Lokali Qorti

Żwieġ annullat wara li r-raġel ħa miegħu għall-qamar il-għasel il-ħabib tiegħu

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anthony Vella annulla żwieġ bejn koppja wara li r-raġel iddeċieda li jieħu miegħu għall-qamar il-għasel il-ħabib tiegħu. Il-mara ħadet ix-xokk ta’ ħajjitha meta żewġha qalilha li kien se jieħu magħhom il-sieħbu u aktar tard kien qalilha li huwa jħobb l-irġiel ukoll.

Mill-provi rriżulta li r-raġel huwa bisesswali u li rriżulta wkoll li meta marru ‘honeymoon’ f’Corfu, t-tlieta, hu l-mara u sieħbu spiċċaw raqdu fl-istess kamra. Il-mara ma felħitx aktar għax minbarra l-problema tas-sesswalità tar-raġel huwa kienj jaġixxi ħafna drabi b’mod stramb u mhux denju ta’ raġel tal-familja.

Fil-fatt il-mara spiċċat biex fetħet il-kawża fil-Qorti Ċivili fejn semmiet diversi raġunijiet għala ż-żwieġ li dam sejjer għal11-il sena kellu jkun dikjarat null.

Qalet li matul l-għerusija huwa kien jaħbilha diversi fatti fosthom x’assi kellu l-bank u s-salarju li kellu. Kien oppona wkoll li jixtri ċ-ċrieket tat-tieġ u ħallas biss għall-karozzi u l-‘filming’ u meta ġew żviluppati r-ritratti ma riedx jarahom.

Meta kienu marru jgħixu fid-dar matrimonjali fis-Siġġiewi lanqas ried iħallas għad-dawl, l-ilma u l-gass u kulma kien jagħtiha kien flus għall-ikel. Meta kienet tqila kienet kostretta tmur waħedha għall-viżti għax ma riedx imur magħha u fid-darbtejn li korriet irrifjuta li jeħodha l-isptar u kienet kostretta ssuq hi akkumpanjata minn ommha.

Fatt ieħor stramb kien li dakinhar li kienet operata għal ‘octopic pregnancy’ huwa baqa’ jagħti l-konkos f’post li kien qed jinbena. Il-mara iżda qalet li l-aktar mument kiefer u degradanti tar-relazzjoni kien seħħ fil-qamar il-għasel. Jumejn qabel siefru Corfu kien qalilha li kien se jieħu magħhom raġel ieħor.

It-tlieta li huma raqdu fl-istess kamra u kien f’dan il-perjodu li qalilha li kien iħobb lil dan ir-raġel u li kien bisesswali. Il-mara kompliet titkellem dwar aktar problema tal-atteġġamanent Wara li tar-raġel fejn saħansitra wara li sseparaw riedha tmur tnaddaflu f’residenza fiż-Żejtun fejn kien qed jgħix kien jgħidilha biex ma tmurx meta jkun hemm il-ħabib tiegħu.

Kien hemm perjodu wkoll fejn il-koppja kienet iddeċidiet li tadotta, iżda dan għalih ma kienx viabbli minħabba l-finanzi. Xehdet ukoll li wara s-separazzjoni żewġha beda jgħix ma’ raġel ieħor u biex tikkonferma dan esebiet ritratt fejn huwa jidher maż-żewġt irġiel oħra jagħmlu atti ndiċenti waqt li nsistiet li dan juri li fil-fatt huwa ‘gay’ u li għalhekk kien qarraq biha.

L-Imħallef Anthony Vella, qal fis-sentenza tiegħu li r-raġel kien ibati minn immaturità affettiva u meta ta l-kunsens tiegħu għaż-żwieġ ma kienx verament jaf is-sinifikat tiegħu.

“Żwieġ ma jibdix bil-preżenza ta’ terz għax tħobbu! Kien bniedem li ovvjament ma kienx kapaċi jevalwa li bħala raġel miżżewweġ kellu ċertu dmirijiet lejn martu, in kwantu kien biered emozzjonalment, kien jgħix ħajja separata minn ma’ martu u di piu anke l-proċeduri ta’ adozzjoni per se, għalih kienu jirrappreżentaw pakkett finanzjarju u kien assolutament biered mill-idea li jibda jrabbi familja”. L-Imħallef Vella laqa’ t-talba tal-mara u annulla ż-żwieġ.