Il-Gvern Laburista jinjora studju li għadu kemm ħareġ mill-Unjoni Ewropea, biex jibqa’ jdoqq l-istess diska u kantaliena tas-suċċess li qed jirrendi, minkejja d-90,000 persuna f’pajjiżna li jgħixu f’riskju reali ta’ faqar. Dan kollu minħabba nuqqas ta’ pjan u bil-popolazzjoni tagħna dejjem tibqa tiżdied.
Ivan Bartolo, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali permezz ta’ stqarrija qal li fid-diskors tal-budget li l-Gvern ressaq il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern, wassal għal tnaqqis sostanzjali fil-faqar. Dan ma jirriżultax miċ-ċifri ppubblikati mill-Unjoni Ewropea fil-jiem li għaddew.
Għall-Gvern kollox ward u żagħar. Basta li jkollna surplus anke jekk il-Ministru Edward Scicluna ftit ilu ddikjara li l-Gvern kien qed jimmira li jibbilanċja, iktar milli jkollu surplus. Bħal f’kull ħaġa oħra dan il-Gvern iħobb ibiddel, inkella ma nkunux l-aqwa fl-Ewropa, jekk mhux ukoll fid-dinja. L-importanti li qed ngħixu l-aħjar żminijiet.
L-istqarrija għalqet billi tgħid li żgur huwa l-aħjar żminijiet għal tal-qalba iżda mhux għal għexieren ta’ eluf li ma jaslux sal-aħħar tax-xahar b’dak li jdaħħlu.
//= $special ?>