Ambjent Lokali

Aktar appelli biex il-Gvern jaqbel mal-PN

L-NGO Nature Trust - FEE Malta appellat lill-Gvern biex jieqaf jilgħab logħba doppja u jieħu s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu bis-serjetà.

Nature Trust Malta appellat lill-Gvern biex jieqaf jilgħab logħba doppja u jieħu s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu bis-serjetà. Huma qalu li llum il-poplu Malti jinsab għajjien jara quddiem għajnejn dibattiti maħkuma mill-pika partiġġjana.

Dan l-appell ħareġ fi  stqarrija tal-istess għaqda ambjentali hekk kif issoktaw l-appelli tal-għaqdiet mhux governattivi biex il-Gvern jaqbel mal-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista u jiddikjara stat ta’ emerġenza għall-klima.

Nature Trust jikxfu lill-Gvern Malti li ma qabilx ma’ miri ġodda ambjentali f’laqgħa li kienet saret fil-Lussemburgu

Fl-istqarrija, Nature Trust kixfu wkoll lill-Gvern Malti u l-Ministru għall-Ambjent li f’laqgħa fil-Lussemburgu f’isem Malta oġġezzjonaw għal miri ġodda ambjentali tal-Kummissjoni Ewropea biex it-tniġġis fl-arja jonqos b’rata iktar mgħaġġla sal-2030.

Intant b’reazzjoni Jason Azzopardi staqsa jekk b’din l-azzjoni, li ddeksriva bħala tal-mistħija, il-Gvern Malti jridniex nibilgħu iktar dħaħen u nimirdu iktar.

L-istqarrija ssegwi ittra li Nature Trust flimkien mal-Climate Action Network Europe u l-European Environmental Bureau bagħtu ittra lill-Ministru Jose Herrera, lix-Shadow Minister Jason Azzopardi u lill-Kamra tad-Deputati ftit jiem qabel il-vot fil-Parlament.

Huma qalu li huwa fi dmir tagħhom li jagħtu prijorità l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u appellaw biex jaqblu mal-proposta tal-Partit Nazzjonalista.

L-NGO qed titlob lill-Parlament tagħna biex ma jaħlux din l-opportunità biex jibda jirrestawra l-kredenzjali tal-ambjent.Kif enfasizzat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Ġunju, Malta trid iżżid b’mod sinifikanti l-livelli ta’ enerġija sostenibbli għall-2030, bħala l-kontribuzzjoni tagħha għall-mira tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli.