“Jekk ma naċċettawx li għandna problema ambjentali globali, allura ma nistgħux nindirizzawha b’mod serju.” Iddkjara dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi, waqt li kien qed jindirizza r-raba’ konferenza nazzjonali dwar il-ġid tas-soċjetà.
Azzopardi fakkar kif l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni dwar il-klima, li fost oħrajn tinkludi dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza dwar il-klima f’Malta. Din il-mozzjoni kienet appoġġjata fost oħrajn mill-Cimate Action Network Europe, bid-Direttur Wendel Trio li bagħat ittra fejn jesprimi l-bżonn li l-vot finali jirrispetta l-urġenza ta’ azzjoni.
Il-mozzjoni tinkludi wkoll pjan t’azzjoni dwar dan, iżda l-Gvern, minflok appoġġja din il-mozzjoni għażel li jpoġġi l-gwadann politiku partiġġjan qabel l-aspirazzjoni taż-żgħażagħ u ddeċieda li jivvota kontra.
Fid-dawl ta’ dan, Jason Azzopardi mill-ġdid appella lill-Gvern biex jinġabar madwar mejda flimkien mal-Oppożizzjoni biex ikun maqbul ftehim dwar pjan għas-snin li ġejjin li jorbot lil kull Gvern futur biex jipproteġi l-ġenerazzjonijiet li jmiss.
“Għandna dover li ma nisirqux it-tama ta’ wliedna,” iddikjara Jason Azzopardi.
L-istess il-Professur Arthur Dahl li kompla fuq il-messaġġ ta’ Jason Azzopardi u appella lil Malta biex tkun protagonista mill-ġdid fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.
Waqt li fakkar li din l-organizzazzjoni qed tiċċelebra l-75 anniversarju, qal li Malta għandha tinsisti biex l-ambjent jitpoġġa fil-qofol tal-aġenda għall-2030 u l-miri ta’ żvilupp sostenibbli li se jkunu ppreżentati min-Nazzjonijiet Uniti.
Il-konferenza nfetħet mill-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, Chairperson tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Hi appellat biex il-popli jingħaqdu biex jipproteġu lid-dinja mill-isfidi relatati mal-progress soċjali, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u t-tibdil fil-klima.
U waqt li l-problema ambjentali hi kwistjoni globali, li l-Oppożizzjoni trid tindirizza anke minħabba l-problemi serji ta’ tniġġis kbir li għandu pajjiżna, il-Ministru Jose Herrera lanqas biss attenda. Minflok, hu bagħat rappreżentant tiegħu li qara diskors ippreparat li ma kien xejn ħlief ftaħir ta’ dak li għamel il-Gvern fl-aħħar snin u dwar il-budget.
Dan minkejja li l-budget ma jindirizzax ir-rata inkwetanti fiż-żieda ta’ karozzi f’pajjiżna, ta’ kuljum, u hu xott wisq minn inizjattivi biex fl-immedjat tkun kontrollata r-rata allarmanti ta’ tniġġis fl-arja, li kull sena taħsad ħajjet 600 persuna minħabba problemi respiratorji.
//= $special ?>