Lokali

“Bżonn ta’ aktar riżorsi u finanzi għal-persuni b’diżabbiltà”- Maria Deguara

“Ir-risorsi jew aħjar nuqqas ta’ finanzi għad-dispożizzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u dawk li jieħud ħsiebhom jibqghu l-akbar xkiel għall-introduzzjoni ta’ miżuri innovattivi f’dan is-settur.”

Dan intqal mill-kelliema tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Persuni b’Diżabilità, Maria Deguara waqt konferenza li saret ġewwa l-Università ta’ Malta bl-isem ‘Protect and Let Go’.

Din il-konferenza, li ġiet organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, flimkien mal fakulta tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, kellha l-għan li jitqajjem għarfien dwar il-konsegwenzi negattivi li tistà iġġieb magħha il-protezzjoni żejda tal-ġenituri fuq tfal jew nies b’diżabilità.

Tkellimna ma’ lettur mid-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità, Anne Marie Callus, li flimkien ma’ Isabel Bonello wettqet riċerka, dwar l-importanza li tingħata libertà lill-persuni b’diżabilità, sabiex huma ukoll ikunu jistgħu jiżvilluppaw b’karattru uniku.

Maria Deguara, fid-diskors tagħha saħqet dwar l-importanza li tingħata għajnuna lil nies b’diżabilita sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja iktar indipendenti.

Hija ikkummentat ukoll fuq l-ammont ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu f’dan is-settur saħqet li “jeħtieġ li niżguraw li dawn ikunu ta’ standards kif imdorrijin jipprovdu professjonisti Maltin u li jkunu kapaċi jikkomunikaw mal-pazjenti b’lingwa li l-pazjent lokali jifhem.” Il-konferenza kienet indirizzata wkoll minn persuni b’diżabilità u ġenituri, li rreferew id-diffikultajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum, speċjalment sabiex jaċċertaw il-libertà u l-indipendenza ta’ dawn il-persuni.