Lokali

“Fejn huma l-awtoritajiet?” – il-Ġordaniżi jagħlqu spazju fejn kienu jipparkjaw is-Sengleani

Residenti tal-Isla u persuni li jiffrekwentaw l-inħawi dalgħodu stenbħu b’parkeġġ inqas u bi problema ikbar minn qatt qabel biex jipparkjaw.

Dan hekk kif is-sidien Ġordaniżi tal-universita li nbniet fl-inħawi njoraw il-karbiet tagħhom u komplew bil-pjan tagħhom li jagħlqu l-aċċess għaż-żona.

Dan l-iżvilupp isegwi dak li seħħ il-Ġimgħa meta ħaddiema ntbagħtu fil-post biex iħaffru l-art u jippreparaw għat-twaħħil tal-bollards.

Kollox beda meta l-Gvern Laburista neħħa l-art biex tinbena l-Università, b’Sadeen Group li xtraw ukoll l-art li għal snin twal kienet tintuża mir-residenti tal-Isla u l-madwar.

Dan ħareġ fid-dawl ta’ applikazzjoni riċenti li dehret quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex din l-Università tiġi estiża, applikazzjoni li nbagħtet lura għand il-periti u l-iżviluppaturi biex joħorġu bi pjan aħjar.

Iżda jidher li għalkemm il-bini m’għandux permess biex jibda, Sadeen Group iddeċidew li jkeċċu lir-residenti mill-parkeġġ sabiex iżommu l-art li tagħhom il-Gvern għalihom biss.

L-aħħar żviluppi wasslu biex ir-residenti, fuq il-midja soċjali, jistaqsu fejn huma l-awtoritajiet li suppost jipproteġuhom u jiddeskrivu dak li seħħ bħala “turija ċara ta’ nuqqas ta’ rispett.”

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu nies biżżejjed li jaraw li din l-inġustizzja tieqaf, jew inkella qabel jagħtu dawn l-artijiet lill-privat, jibnu parkeġġ alternattiv għas-servizz taċ-ċittadin. Jekk dan ma jistax isir, mela l-art għandha tibqa kollha għad-dispożizzjoni tal-Maltin,” jiddikjara wieħed mir-residenti.

Fl-aħħar sigħat anke l-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Malcolm Gatt ikkundanna dak li seħħ: “Jidher biċ-ċar li l-kelma tar-residenti ma’ tiswa’ xejn u sejrin għal hearing il-MEPA bħala falsa sħiħa għax jidher ċar li din l-art parking tal-maċina diġa’ ngħatat lill-AUM minn wara dahar kulħadd.”