Lokali

“Il-bejgħ taċ-ċittadinanza qed ikompli jirvina r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ” – PN

L-aħbar li ġiet żvelata minn The Shift, li persuna li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija qed taffaċċja akkużi serji ta’ frodi fl-Istati Uniti u Iżrael, tikkonferma kemm id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija qed tirvina r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kap Adrian Delia u l-
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina.

Din il-persuna kienet waħda minn tal-ewwel li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija meta l-Gvern Laburista ħabbar l-iskema. L-istess persuna xtrat ukoll iċ-ċittadinanza Maltija għall-konjuġi tagħha u għal uliedhom.  

Dan huwa l-ħames każ ta’ persuna li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija u li qegħda taffaċċja akkużi serji ta’ reati kriminali fosthom dawk ta’ frodi, ħasil ta’ flus (money laundering), qerq ta’ investituri, evażjoni ta’ taxxa u tariffi.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dawn il-każijiet iġibu fix-xejn il-ftaħir tal-Gvern Laburista li l-persuni li qed jixtru ċ-ċittadinanza Maltija qed jgħaddu minn proċess ta’ four-tier due diligence.  

Il-Partit Nazzjonalista ilu sa mill-bidunett iwissi li l-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza hija skema li tagħti isem ħażin lil pajjiżna u tirvina r-reputazzjoni tajba li pajjiżna rnexxielu jikseb fuq numru twil ta’ snin. Ftit tal-ġimgħat ilu ġie kkonfermat ukoll li ditta nvoluta fil-bejgħ taċ-ċittadinanza nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru u bosta Ministri tal-Gvern.

Minn dak li ġie żvelat jirriżulta wkoll li din id-ditta saħansitra tista’ tirranġa biex l-awtoritajiet ta’ pajjiżna jagħlqu għajn waħda meta persuni b’rekord kriminali jkunu jridu jixtru passaport Malti.   F

id-dawl ta’ dan kollu l-PN qiegħed mill-ġdid jinsisti li l-Gvern Laburista għandu fl-interess nazzjonali b’mod immedjat jissospendi l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.