Ambjent Lokali

“Irridu ningħaqdu u nieħdu azzjoni konkreta”

L-ikbar sfida li d-dinja se taffaċċja fis-snin li ġejjin hija dik tal-bidla fil-klima. Hu fid-dawl ta’ dan li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat mozzjoni fuq din il-kriżi mondjali.

Waqt diskussjoni fil-programm Net Live il-President tal-KNŻ Chiara Vassallo esprimiet id-diżappunt tagħha dwar kif din id-diskussjoni spiċċat waħda partiġjana. Dan speċjalment wara li l-Gvern irrifjuta li jappoġġja mozzjoni tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Vassallo tenniet li hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata sabiex finalment nissalvagwardjaw l-ambjent tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Stephen Bajada, student u attivist ambjentali saħaq li kulħadd jista’ jinduna li l-istat tal-ambjent f’pajjiżna huwa wieħed ħażin…. tant li jqabblu ma’ stat ta’ gwerra. Huwa tenna l-appell tiegħu sabiex fil-vot ta’ nhar it-Tlieta kulħadd jivvota favur il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder sostna li quddiem sfida daqshekk kbira għad-dinja kollha, il-Gvern għażel li jattakka lill-Oppożizzjoni minflok jingħaqad magħha f’diskussjoni biex tinstab soluzzjoni għal din il-kriżi.

L-għan tal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hu li bħala pajjiż ningħaqdu u naraw li nagħtu l-kontrubut tagħna sabiex ngħixu ħajja aħjar u ma jkollniex il-problemi kbar li l-esperti qed jaħsbu li ġejjin fil-futur Bħala nazzjoni irridu ningħaqdu u nieħdu azzjoni konkreta.

Min-naħa tagħha d-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li jidher li l-Gvern induna li tilef opportunità li fil-budget jitkellem u joffri soluzzjoni għall-bidla fil-klima.Hi rreferiet għall-fatt li l-ittra li l-KNZ ippreżentaw lill-Prim Ministru baqgħet ma nqratx fil-Parlament. Finalment Claudette Buttigieg saħqet li hija responsabbiltà tal-Gvern u tal-Membri Parlamentari kollha li jħarsu l-ambjent ta’ madwarna.