BIRKIRKARA…………………… 1 GŻIRA U……………………. 3
Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, O. Carniello, E. Pepe, I. Ntow, R. Briffa, R. Fenech, M. Alba (M. Mifsud 64’), C. Prado, M. Vella (M. Guillaumier 76’), F. Falcone
Gżira: J. Haber, C. Gatt Baldacchino, F. Barbosa, R. Soares, A. Oyama, G. Conti (A. Cohen 73’), Z. Scerri, N. Muscat (J. Corbalan 82’), H. Kone, M. Davis, J. de Assis
Imwissija: F. Barbosa 12’, Z. Scerri 29’, J. de Assis 56’, H. Kone 72’ (G), O. Carniello 62’, M. Guillaumier 91’ (B)
Skorjaw: H. Kone 8’, 76’, A. Cohen 95’ (G), F. Falcone 84’ pen (B)
Referee: Fyodor Zammit
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Chris Francalanza
Il-mument Plejer tal-logħba: Rodolfo Soares (Gżira United)
BOV Plejer tal-logħba: Hamed Kone (Gżira United)
Attendenza: 1367
Gżira United kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva li biha telgħu fit-tieni post ma’ Sirens, baqgħu bla telfa u kkundannaw lil Birkirkara għat-tielet telfa tal-istaġun. Għalkemm il-prestazzjoni tal-Maroons ma kinitx l-aqwa waħda, kienu konċentrati biżżejjed fid-difiża biex ma ħallewx lil Birkirkara jkunu perikolużi fl-attakk.
Birkirkara kienu tqal wisq biex jibnu l-attakki tagħhom u ftit irnexxielhom jidħlu bil-ballun fil-kaxxa. Din it-telfa tkompli tbiegħed lil Birkirkara mill-quċċata hekk kif issa jinsabu 11-il punt distakkati minn Floriana, f’dik li kienet l-ewwel telfa ta’ Andrè Paus f’pajjiżna.
Paus beda Isaac Ntow flok Kurt Zammit fuq in-naħa xellugija tad-difiża, f’dik li kienet l-unika bidla mit-tim li rebaħ kontra Hibernians fl-aħħar logħba. Fuq in-naħa l-oħra, żewġ bidliet għal Giovanni Tedesco mir-rebħa kontra Valletta. Clifford Gatt Baldacchino u Arthur Oyama bdew flok Sacha Borg u Amadou Samb.
Martin Davis seta’ tefa’ lil Gżira fil-vantaġġ wara sitt minuti meta avvanza minn fuq ix-xellug iżda x-xutt finali ġie blokkat fil-ħin minn Enrico Pepe. Il-gowl wasal żewġ minuti wara, bil-winger HAMED KONE ngħata spazju biżżejjed biex mil-lemin ġibed il-ballun fuq ix-xellug u b’xutt preċiż għar-rokna ta’ fuq ħalla lil Andrew Hogg iħares.
Wara kwarta, Jefferson de Assis prova ftit l-impossibbli meta minn ballun fit-tul, qabeż parzjalment u prova jqabbeż il-ballun fuq it-tieni lasta minn pożizzjoni angolata, bit-tentattiv jgħaddi ftit barra. Birkirkara bdew jippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kienu fjakki fl-ideat, b’diversi xuttijiet barra l-kaxxa li ma kinux ta’ periklu.
Fit-32 minuta, Caio Prado ħabbat il-ballun ma’ Federico Falcone iżda x-xutt finali kien ċentrali wisq għal Justin Haber. Erba’ minuti wara, Alba tefa’ kross mix-xellug fil-kaxxa, bid-daqqa ta’ ras ta’ Maurizio Vella tgħaddi ftit għoli.
Għalkemm Gżira naqqsu ftit mir-ritmu tagħhom, kellhom żewġ okkażjonijiet li fihom setgħu rduppjaw. Fit-38 minuta Hogg salva xutt mix-xellug fuq il-ġirja ta’ Arthur Oyama, bil-gowlkiper Karkariż ikun protagonist qabel tmiem l-ewwel taqsima meta ħareġ isalva fuq xutt ta’ Gianmarco Conti, wara passaġġ vertikali ta’ Zach Scerri.
Birkirkara ħarġu aħjar fit-tieni taqsima iżda kienu superjuri biss territorjalment. Il-logħba żiedet fit-tensjoni fis-56 minuta meta Jefferson de Assis qabeż lil Andrew Hogg u deher jitwaqqa’ ftit qabel daħal fil-kaxxa, iżda r-referee Fyodor Zammit għażel li jħalli l-logħob għaddej u ammona lill-attakkant minħabba protesti. Minuta wara l-Brażiljan issogra li jitkeċċa għal fawl fuq Miguel Alba.
Okkażjoni tad-deheb għal Birkirkara fil-61 minuta b’Cain Attard jixħet barra minn ftit metri bogħod wara li kross mix-xellug fuq it-tieni lasta wasal għandu. Gżira baqgħu kompatti fid-difiża u ma bdewx jagħtu spazji lil Birkirkara, bl-Istripes ma jkunux kreattivi biżżejjed.
Gżira ħasbu li għalqu l-logħba kwarta mit-tmiem bi kross ta’ Arthur Oyama mix-xellug isib lil HAMED KONE fil-kaxxa li laqat il-ballun mill-ewwel ħażin, iżda fortunatament spiċċa biex għeleb lil Hogg.
Birkirkara ngħataw penalty fit-83 minuta Fernando Barbosa waqqa’ lil Falcone f’tarf il-kaxxa, bir-referee jiġġudika li l-fawl sar fil-kaxxa. Mill-11-il metru, FEDERICO FALCONE bagħat lil Haber in-naħa l-oħra tal-ballun u daħħal lit-tim fil-logħba.
Gżira serrħu rashom mit-tliet punti fil-95 minuta meta bi preċiżjoni Kone tefa’ fl-ispazju lejn is-sostitut ANDREW COHEN li b’intelliġenza għeleb in-nasba tal-offside, avvanza u bil-kalma kollha għeleb lil Hogg b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>