Rugby Sport

L-Ingilterra fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja wara 12-il sena

(Ritratt: Rugby World Cup)

L-Ingilterra għaddiet għas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba wara 12-il sena wara rebħa ta’ 40-16 kontra l-Awstralja fl-istadium magħluq ta’ Oita. It-tim ta’ Eddie Jones kabbar is-sensiela ta’ rebħiet fuq l-Awstralja għal seba’ logħbiet, li bdiet wara l-aħħar Tazza tad-Dinja.

Il-Wallabies kellhom bidu pożittiv hekk kif anki rnexxielhom imorru 3-0 minn fuq b’penalty ta’ Christian Lealiifano iżda l-Ingliżi kienu aktar kliniċi u fetħu vantaġġ tajjeb b’żewġ tries ta’ Jonny May fit-18 u l-21 minuta. Owen Farrell għamel iż-żewġ conversions u penalty ukoll biex daħlu jistrieħu 17-3 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, l-Awstralja daħlet fil-logħba bi try mill-aqwa fil-bidu tat-taqsima ta’ Marika Koribete u conversion ta’ Lealiifano għal 17-10. Iżda l-Ingliżi reġgħu kkontrollaw il-logħba bi try ta’ Kyle Sinclair u conversion ta’ Farrell biex baqgħu jkabbru l-vantaġġ għal rebħa konvinċenti, b’Farrell jagħlaq il-logħba b’20 punt.