Il-proġett tal-flyovers tal-Marsa huwa nieqes mis-sigurtà għaċ-ċiklisti u minn livell bażiku ta’ aċċessibilità. Dan qaluh fi stqarrija konġunta l-għaqdiet Bicycle Advocacy Group, Birdlife Malta, Futur Ambjent Wieħed, Moviment Graffitti u Nature Trust Malta.
Huma osservaw li m’hemmx konnessjoni li tgħaqqad il-korsija taċ-ċiklisti li qed tkun proposta f’dan il-proġett.
Iċ-ċiklisti li jsuqu minn Raħal Ġdid, il-Fgura, l-MCAST u l-Kottonera mhux se jkollhom mod kif jaslu lejn id-destinazzjoni tagħhom b’mod sigur. Dawk li jkunu ġejjin mnn Triq Pawlu Boffa mhux se jkollhom aċċess għall-korsija taċ-ċiklisti filwaqt li dawk li jsuqu lejn l-Mcast se jkunu obbligati li jgħaddu minn Triq Santa Luċija.
L-għaqdiet staqsew ukoll dwar x’se jagħmlu ċ-ċiklisti jekk il-lifts li se jkun hemm ma jkunux qed jaħdmu bħalma ġara fil-każ tal-pont tal-Imrieħel.
L-istqarrija tgħid li għal darb’oħra Infrastructure Malta nsiet is-sigurtà ta’ min juża r-rota jkollux għażla oħra għajr ħlief li jipperikola ħajtu billi jidħol bir-rota qalb it-traffiku tal-karozzi.
L-għaqdiet sostnew li huwa inaċċettabbli li proġett li se jiswa €70 miljun huwa nieqes minn waħda mill-iktar affarijiet bażiċi ta’ aċċessibilità. Huma infatti stiednu lill-Ministru tat-Trasport Ian Borg u lil Infrastructure Malta biex jiltaqgħu magħhom biex jipprovdu soluzzjonijiet li jassiguraw is-sigurtà ta’ min irid juża r-rota f’dawn it-toroq ġodda.
//= $special ?>