“Ressaqna f’isem il-ġenerazzjoni żgħażugħa t-talba tagħhom sabiex jiġi ddikjarat stat ta’ emerġenza tal-klima. Il-Gvern Laburista iżda poġġa l-politika partiġġjana qabel il-futur taż-żgħażagħ tagħna u b’hekk spiċċa biex qatel it-tama tagħhom għal ambjent aktar nadif għal saħħithom.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ fuq in-naħa tal-ġenerazzjonijiet futuri, se jibqa’ fuq quddiemnett jinsisti għal emerġenza tal-klima għaliex jekk ma jiġrix hekk inkunu qegħdin ngħaddsu rasna fir-ramel u nkunu irresponsabbli għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijet futuri. L-Oppożizzjoni trid li tiġi ddikjarata emerġenza dwar it-tibdil tal-klima biex ikollna liġijiet li l-pajjiż irid josserva għax ikun hawn stat ta’ emerġenza, iżda minflok l-emendi li ressaq il-Gvern jinkludu sensiela ta’ tifħir qisha xi press release minn Kastilja. Huwa qal li t-tibdil fil-klima hija realtà li se taffetwa lil kulħadd mhux biss lill-Gvern jew lill-Oppożizzjoni, b’mod speċjali r-reġjun tal-Mediterran, u jekk ma nieħdux azzjoni konkreta se jsofru uliedna.
Adrian Delia qal li fil-kawża li fetaħ lill-Avukat Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport Egrant, il-Qorti Kostituzzjonali ordnat biex il-Ministri Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna jippreżentaw kopja tar-risposta li kienu taw fil-proċeduri tal-Qorti tal-Maġistrati iktar kmieni din is-sena, li fiha kienu kkwotaw biċċiet mir-rapport li ma kienux fil-konklużjonijiet. Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li t-tliet Ministri huma suspettati li kisru l-liġi kriminali u għalhekk biss ma jistgħux jiġu mġegħla li jixhdu. Adrian Delia qal li għalhekk idur lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jieħu l-passi kontra dawn it-tliet Ministri, li ġew iddikjarati mill-ogħla Qorti ta’ pajjiżna li huma suspettati li huma kriminali.
Ilbieraħ it-tliet Ministri ppreżentaw fil-Qorti siltiet mir-rapport dwar Egrant, rapport li skont il-Gvern u l-Avukat Ġenerali kien għand numru ristrett ta’ nies, li ma jinkludix lil dawn il-Ministri. Xi ħadd mhux qed jgħid il-verità f’dan il-każ meta l-poplu għandu d-dritt li jkun jaf il-verità kollha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li matul is-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li attenda għalih aktar kmieni din il-ġimgħa, saret diskussjoni fuq ħames punti li hu kien ressaq f’ittra li kien bagħat lill-President tal-PPE Joseph Daul fl-aħħar ta’ Settembru. Dawn il-ħames punti jiffokaw fuq:
- Shift minn burden sharing għal shared investiment bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni fil-pajjiżi tal-oriġini.
- pajjiżi żgħar bħal Malta li jinsabu fil-fruntiera tal-Ewropa ma jitħallewx waħedhom fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u jingħataw riżorsi u għajnuniet adegwati mill-Unjoni Ewropea
- sistema ġusta imma effettiva tar-ritorn tal-persuni li mhux intitolati għall-ażil.
- leġislazzjoni Ewropea tat-tqassim tar-responsabbilitajiet u mhux aktar ftehimiet ad hoc biss.
- sapport lill-NGOs ġenwini imma skrutinju robust u kontinwu tal-bastimenti fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Adrian Delia qal li l-budget li ressaq il-Gvern huwa budget li jixhed gvern bla pjan u temm jgħid kif nhar it-Tnejn li ġej fil-Parlament se jkun qed jispjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna bbażata fuq it-tkabbir ekonomiku serju u mhux biss biż-żieda tal-popolazzjoni, bi pjan fit-tul u bi ħsieb, biex il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd.
//= $special ?>