Sport Sport Ieħor

Tibda l-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race bi spettaklu fil-Port il-Kbir

(Ritratt: Rolex/Kurt Arrigo)

L-erbgħin edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race bdiet illum bit-tluq mill-Port il-Kbir. F’din it-tellieqa ta’ 606 mil nawtiku qed tara flotta ta’ 113-il jott parteċipant li huma maqsuma f’seba’ klassijiet. It-tellieqa bdiet quddiem folla sabiħa u f’kundizzjonijiet ħfief li taw sfida lill-baħħar biex isibu ftit riħ. Sal-5.00pm, il-flotta kienet qed tagħmel progress lejn Capo Passero fi Sqallija. It-trimaran Ad Maiora kiseb vantaġġ qasir fuq Rambler, bil-katamaran ta’ 34 pied Blackwater ftit warajh.

Il-flotta tal-multihills kienu l-ewwel li ħarġu mill-Port il-Kbir. L-aħjar bidu f’din il-klassi ġie rreġistrat mill-ekwipaġġ ta’ erba persuni fuq il-jott żgħir Blackwater u l-lussuż Apollo. Bruno Cardile, Orma 60 u Ad Maiora damu ftit biex qabdu pass tajjeb, iżda Ad Maiora kien l-ewwel jott li ħareġ mill-port segwit minn Blackwater.

Il-bidu tal-klassijiet suċċessivi damu biex bdew wara deċiżjoni tal-Uffiċjal Prinċipali tat-Tellieqa Peter Dimech, hekk kif il-jott Asia dam erbgħin minuta sakemm laħaq il-breakwater. L-aħħar bidu ingħata f’12.30pm u kien riservat għall-akbar jottijiet. Bidu tajjeb għall-Franċiż Aegir filwaqt li Wild Joe li hu l-iżgħar jott fil-klassi, u l-jott Pollakk Aragon kellhom bidu tajjeb. Rambler li qed jimmira li jirbaħ il-Line Honours, dam xi ftit qabel qabad pass tajjeb. Telefonica Black kien l-aħħar jott li ħareġ mill-Port il-Kbir.

Iktar informazzjoni dwar ir-Rolex Middle Sea Race tinstab fuq is-sit elettroniku https://rolexmiddlesearace.com/. Wieħed jista jsegwi il-jottijiet fuq – https://rolexmiddlesearace.com/tracker