Futbol Sport

Żebbuġ jirbħu d-derby b’għaxar plejers u Żejtun jegħlbu lil Mqabba

(Ritratt: Catriel Farrugia)

QORMI …………………………….. 1

ŻEBBUĠ RANGERS ……………. 2

Qormi: J. Azzopardi, F. Gnindokponou, C. Matombo, M. Borg, A. Abela, M. Lokando, F. Gusman, A. Cassar, N. Ghio, I. Zammit (L. Farrugia 70’), T. Gusman (S. Grech 53’)

Żebbuġ: M. Grech, D. Fava, R. Vella, M. Del Negro (J. Farrugia 55’), R. Zammit, S. Buhagiar, S. Nanapere, M. Fagbeja (R. Cutajar 94’), C. Brincat, W. Borg, N. Ojuola

Referee: Matthew Degabriele

Żebbuġ dawru telfa f’rebħa minkejja li kienu qed jilagħbu b’għaxar plejers f’derby mill-iktar akkanit u emozzjonanti li finalment ra liż-Żebbuġin jagħtu t-tielet telfa konsekuttiva lil Qormi.

Wara seba’ minuti Qormi fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras ta’ Francesco Gusman ħabtet mal-lasta, mir-rebound reġa’ kien Gusman li xxuttja iżda Zammit salva minn fuq il-linja biex finalment kien FREUD GNINDOKPONOU li minn żewġ passi bogħod kompla għal ġewwa.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Dan il-gowl ħasad xi ftit lil Żebbuġ li ma kinux organizzati fir-reazzjoni tagħhom u ftit resqu lejn Azzopardi. Iżda fis-27 minuta kienu sfortunati meta free-kick ta’ Dion Fava ħabat ma’ sieq il-lasta b’Azzopardi megħlub. Ħames minuti wara Fagbeja bir-ras żmarka lil Nanapere li spara għoli minn qagħda tajba.

Fit-38 minuta kontrattakk veloċi ta’ Qormi fejn Tensior Gusman żmarka lil Gnindokponou li waħdu quddiem Grech ra x-xutt tiegħu salvat mill-gowlkiper tar-Rangers.

Fit-tieni taqsima Żebbuġ żiedu l-pressjoni tagħhom u fil-65 minuta kisbu l-gowl tad-draw meta xutt ta’ Samuel Buhagiar kien parzjalment salvat minn Azzopardi u mir-rebound MUDA FAGBEJA xeħet fix-xibka.

Iżda tliet minuti wara daqqa ta’ ħarta għat-tim ta’ Clive Mizzi hekk kif il-captain Clive Brincat dabbar it-tieni karta safra tiegħu. Qormi żiedu l-attakki iżda kienu maħsuda fid-89 minuta meta Fagbeja twaqqa’ fil-kaxxa minn Alessio Cassar u mill-11-il metru kien RANDALL VELLA li għeleb lil Azzopardi. L-aħħar minuti kienu drammatiċi bil-Qriema jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-logħba iżda ma rnexxielhomx jagħmlu dan.

Awto-gowl ta’ Caruana jikkundanna lil Mqabba

MQABBA ……………………………….. 2

ŻEJTUN CORINTHIANS …………… 3

Mqabba: D. Carabott, D. Micallef, A. Ferreira, K. Magro (F. Zammit 85’), J. Micallef, A. Makela (Y. Omuro 78’), P. Chimezie, K. Xuereb (N. Micallef 46’), J. Spiteri, M. Caruana, K. Camilleri

Żejtun: C. Cassar, J. Cassar, A. Carabott, D. Agius (R. Attard 68’), J. Ogunnupe (M. Pereira Muniz 87’), J. Suda (J. Busuttil 94’), R. Do Nascimento Santos, D. Sowatey, A. Mizzi, N. Tabone, G. Azzopardi

Referee: Alan Mario Sant

Żejtun kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun meta f’logħba missielta għelbu lil Mqabba 3-2, bil-gowl rebbieħ li ddeċieda l-logħba jasal minn awto-gowl sfortunat tal-captain Caruana kwarta mit-tmiem.

Wara ftit sekondi kien Adrian Carabott li pprova jaħsad lil Duane Carabott iżda l-ballun niżel fuq is-saqaf tax-xibka. Wara dan il-bidu promettenti l-logħba kienet pjuttost kwieta b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd.

Fit-22 minuta Suda seraq ballun fuq il-lemin u qassam għan-nofs fejn Manuel Caruana laħaq tajjar biex evita gowl ċert. Il-gowl wasal xorta waħda żewġ minuti wara b’azzjoni fuq il-lemin ta’ Azzopardi li qassam lejn ROBEIRO DO NASCIMENTO li mill-viċin rnexxielu jkompli l-ballun għal ġewwa.

Ir-reazzjoni ta’ Mqabba kienet fjakka anki jekk Żejtun m’għarfux jisfruttaw l-ispazji li bdew iħallu l-avversarji. Fit-43 minuta Żejtun tilfu banalment ballun fid-difiża, fejn Makela qassam lejn Chimezie li kien imwaqqa’ minn Dylan Agius u mill-11-il metru kien l-istess PAUL CHIMEZIE li skorja b’xutt b’saħħtu.

It-tieni taqsima kellu bidu ferm kwiet iżda l-logħba splodiet b’żewġ gowls f’sittin sekonda. Fl-64 minuta kross ta’ Adrian Carabott lejn ROBEIRO DO NASCIMENTO li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Carabott. Iżda minuta wara appena reġa’ beda l-logħob, ballun lejn PAUL CHIMEZIE li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Cassar.

Fl-74 minuta Żejtun għat-tielet darba fil-vantaġġ meta Robeiro qassam għan-nofs u Manuel Caruana xeħet fix-xibka tiegħu stess f’attentat li jbiegħed il-periklu. Mqabba attakkaw mingħajr wisq ideat fil-ħin li kien baqa’ biż-Żwieten jikkontrollaw biex kisbu tliet punti mportanti.