SIRENS………………………… 1 FLORIANA…………………. 4
Sirens: D. Cassar, R. Romao, D. Sant, R. dos Anjos, T. Espindola, R. Grech, I. Adeshina (L. Sciberras 66’), R. Memezes, S. Eddin Arab (M. Bustos 69’), W. de Oliveira (R. Fenech 83’), F. Cheveresan
Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani, R. Camenzuli, U. Arias (C. Borg 69’), D. Venancio, B. Paiber (E. Herrera 87’), M. Garcia (J. Busuttil 46’), T. Fonseca, K. Keqi
Imwissija: D. Venancio 37’, B. Paiber 86’ (F), R. dos Anjos 50’ (S)
Tkeċċa: D. Sant 93′ (S)
Skorjaw: W. de Oliveira 43’ (S), D. Venancio 51’, T. Fonseca 55’, B. Paiber 86’, K. Keqi 94’ pen (F)
Referee: Slobodan Petrovic
Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Ivan Galea
Il-mument Plejer tal-logħba: Diego Venancio (Floriana)
BOV Plejer tal-logħba: Tiago Fonseca (Floriana)
Żewġ gowls fil-bidu tat-tieni taqsima għenu lil Floriana jassiguraw posthom fil-quċċata għal ġimgħa oħra. Il-Furjaniżi kien ħaqqhom it-tliet punti hekk kif kellhom il-kontroll tal-logħba għal ħafna mill-ħinijiet u sofrew il-gowl kontra x-xejra tal-logħob.
Minkejja dan ir-riżultat finali nqisu wieħed kiefer ma’ Sirens li bdew jagħlqu l-ispazji tajjeb fid-difiża. Dan għalkemm naqsu li jkunu perikolużi biżżejjed fl-attakk speċjalment wara t-tieni gowl u sofrew it-tielet u r-raba’ gowl meta nfetħu ftit aktar biex iġibu d-draw.
Il-kowċ ta’ Floriana Vincenzo Potenza għamel bidla mir-rebħa kontra Tarxien Rainbows. Brandon Paiber ġie preferut minn Jan Busuttil. Żewġ bidliet għal Steve D’Amato mir-rebħa kontra Sliema Wanderers, b’Siraj Eddin Arab u Daniel Sant jibdew flok Emmanuel Okoye u Adrian Borg rispettivament.
Floriana ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti bi free-kick insidjuż ta’ Diego Venancio jkun salvat tajjeb fil-ħin minn David Cassar. Żewġ minuti wara, minn azzjoni mix-xellug, ċans għal Kristian Keqi iżda x-xutt minn qagħda ċentrali fil-kaxxa kien blokkat mid-difiża avversarja.
Minuta wara, Romario Memezes kellu xutt indirizzat fil-lasta li ġie salvat f’darbtejn minn Ini Akpan. Floriana beda jkollhom aktar kontroll tal-ballun u bdew isibuha aktar faċli biex jgħaddu min-nofs. Fil-fatt f’żewġ minuti kellhom żewġ tentattivi b’xuttijiet fil-baxx ta’ Brandon Paiber u Tiago Fonseca li t-tnejn għaddew barra.
Sirens bdew isibuha diffiċli biex jiddettaw il-logħba u bdew joperaw bil-kontrattakk. Floriana naqqsu r-ritmu u ma bdewx jippenetraw kif kienu qed jagħmlu. Fid-29 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Venancio għadda ftit għoli filwaqt li ħames minuti wara, minn kontrattakk tajjeb, David Cassar salva xutt fil-baxx ta’ Jurgen Pisani wara li kien irċieva mingħand Ulises Arias.
It-tim ta’ Steve D’Amato beda jikseb aktar territorju u kontra x-xejra tal-logħob marru fil-vantaġġ fit-43 minuta meta minn ballun fit-tul ta’ Raphael dos Anjos, WELLINGTON DE OLIVEIRA ħa vantaġġ minn nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn Ini Akpan u d-difiża, antiċipa lil Akpan u skorja b’daqqa ta’ ras.
Floriana kellhom bidu mill-aqwa fit-tieni taqsima hekk kif ġabu d-draw fit-52 minuta bi free-kick ta’ DIEGO VENANCIO li qarraq b’David Cassar. Il-Greens marru fil-vantaġġ tliet minuti wara b’TIAGO FONSECA jidħol tajjeb għal kross mil-lemin u b’konklużjoni mill-ewwel ma tax ċans lil Cassar isalva.
Dan il-gowl ta stabbiltà lil Floriana li kkontrollaw il-logħba mingħajr problemi u kkastigaw lil Sirens meta nfetħu ftit aktar biex jippruvaw iġibu d-draw. Fis-86 minuta huma għalqu l-logħba b’xutt b’saħħtu u preċiż ta’ BRANDON PAIBER li għeleb lil Cassar.
Il-Furjaniżi saħansitra temmew il-logħba bir-raba’ gowl meta fit-92 minuta r-referee Slobodan Petrovic ordna penalty wara li ġie ġġudikat li Daniel Sant blokka x-xutt ta’ Edward Herrera minn fuq il-linja b’idu, b’Sant jitkeċċa fl-azzjoni. Mill-11-il metru nkariga ruħu KRISTIAN KEQI li skorja b’xutt ċentrali.
//= $special ?>