Lokali Qorti

Afrikan u Serb jeħlu l-ħabs minħabba li nqabdu bid-droga

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Afrikana u Serba inqabdu mill-Pulizija l-bieraħ wara nofsinhar b’ammont ta’ pakketti bid-droga u ammont ta’ flus kontanti.

L-irġiel, li għandhom 21 u 35 sena, kienu osservati mill-Pulizija li qed jaġixxu b’mod suspettuż viċin stabbiliment ta’ divertiment fl-inħawi Ta’ Fra Ben, il-Qawra.

Minn hemm saret tfittxija fuq l-Afrikan fejn insab permess ta’ residenza Taljana, ammont ta’ pakketti mimlija b’ssutanza ħaxixa u raża tal-pjanta tal-Cannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Minn fuq is-Serb ġew elevati numru ta’ pakketti mimlija b’sustanza ħaxixa tal-pjanta tal-Cannabis, amfetamina, kif ukoll pilloli tal-ecstasy. Dan kollu u maħsub li kien lest biex jiġu traffikati.

Il-persuni ġew investigati u tressqu l-Qorti llum taħt arrest quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia b’akkużi ta’ traffikar u pusses aggravat tal-imsemmija droga.

Fil-Qorti, it-tnejn ammettew l-akkużi kontrihom. Wieħed mill-akkużati, Nikola Joksimovic ta’ 35 sena jidher li kkopera mal-pulizija filwaqt li għandu kondotta nadifa. B’hekk, il-Maġistrat tagħtu sentenza ta’ 16-il xahar ħabs u multa ta’ €800.

Minn naħa l-oħra, l-akkużat l-ieħor, Leopoldo Antwi ġie kkundannat 6 xhur ħabs u multa ta’ €500.

Iż-żewġ akkużati kienu assistiti mill-avukat tal-għajnuna legali Raisa Colombo.