Lokali

Esperjenza missjunarja fl-Indoneżja

“Esperjenza qawwija ħafna ta’ missjoni fl-Indoneżja fejn tiltaqa’ mal-faqar, iżda fl-istess waqt tesperjenza ħafna mħabba ta’ nies li huma għatxana anki għat-tagħlim.

“L-Indoneżja hi art kbira, iżda hi art fertili u missjunarji Maltin flimkien ma’ missjunarji minn diversi pajjiżi oħra qed jagħmlu ġid kbir.”

Din l-istqarrija għamilha Fr. Joe Zammit li tkellem ma’ il-mument hekk kif wasal lura Malta minn din l-esperjenza ta’ missjoni.

It-test sħiħ tal-intervista ma’ Fr. Joe Zammit hu:

X’kien li mort daqstant ‘il bogħod għal ħidma missjunarja mifruxa fuq ftit jiem?

Għandek raġun. Għax jumejn minnhom jerġa’ għaddejthom nivvjaġġa ‘l hemm u sintendi ‘l hawn… apparti mill-flus għall-vjaġġ.

Imma xtaqt verament nagħmel esperjenza ta’ rtir u anki missjoni hemmhekk. Tajjeb ngħid li f’dawn l-aħħar tliet snin, waqt li kont Ruma, kont għamilt konnoxxenza ma’ Patri Karmelitan ta’ Sant Elija. Konna ltqajna qabel il-quddiesa tal-Milied mal-Papa u dan il-Patri, Indoneżjan, stedinni biex immur għal esperjenza fil-missjoni tagħhom li tinsab – din id-Dar Ġenerali – mas- sagħtejn karozza ‘l bogħod mill-belt kapitali, Jakarta.

Dan hu Ċentru ta’ Spiritwalità għolja ħafna. Biżżejjed taqra l-Kostituzzjoni tagħhom. Niftakar kien bagħatli 13-il paġna tal-Kostituzzjoni u avolja tard bil-lejl qrajthom f’nifs u niżluli għasel.

Iż-żmien, kif taf inti, tista’ tkejlu fit-tul u fil-profondità, u hekk ġara lili għax kienet esperjenza stupenda fejn tara dawn il-patrijiet u wkoll uħud minnhom għadhom fil-formazzjoni jgħixu ta’ vera Nsara, ħajja normalissima, sempliċi u sabiħa kif hu l-Vanġelu, ħajja li ma tistax ma tiġbidx għal warajha bosta żgħażagħ, u mhux biss.

Tant li fil-jiem li kont hemm jien, kien hemm ħamsin saċerdot u reliġjużi minn pajjiż qrib għall-formazzjoni Karmelitana u li kelli x-xorti li ngħaddilhom messaġġ ukoll.

Irrid ngħid li dawn il-patrijiet jagħmlu appostolat mhux biss fl-arċipelagu Indoneżjan li mhux żgħir, iżda wkoll f’pajjiżi qrib fejn mhux faċli tidħol.

L-Indoneżja hu pajjiż l-iktar ta’ reliġjon Musulmana. Ngħid għalija ma ħassejtx li kien hemm xi diffikultà bejn nies ta’ reliġjonijiet differenti, jgħixu flimkien mingħajr indħil, almenu sa fejn stajt ninduna jien.

Waqt li konna nkunu per eżempju fil-kappella fl-4.30 ta’ filgħodu nitolbu, kont tista’ tisma’ wkoll lill-Imam isalli minn fuq il-minaret.

Tqisha din bħala esperjenza ‘enriching’?

Ovvju. Jien għalhekk mort u għall-grazzja t’Alla hekk kienet. Dejjem għandna bżonn niftħu iktar moħħna u qalbna fuq id-dinja kollha. Jiġifieri fuq il-Knisja universali, fuq l-erba’ djalogi tal-Konċilju – dak ekumeniku, dak inter-religjuż, dak ma’ bnedmin ta’ rieda tajba u qabel kollox dak fi ħdan il-Knisja kattolika stess, li forsi, ippermettili ngħidha hu l-iktar diffiċli!

Jien diġà kelli din l-esperjenza snin ilu meta kont saċerdot Ruma u ma kenetx ta’ ġimgħa biss! Dan id-djalogu nħossu wisq fija tant li meta kont Arċipriet tal-Parroċċa tal-Qala kont nedejt il-Gozo International Celebration, avveniment li kien jintlaqa’ tajjeb ħafna, sintendi dejjem bil-barka tas-superjuri tiegħi. Fid-disa’ snin li domt Arċipriet tal-Qala konna organizzajna 21 edizzjoni.

Nafu kemm nafu, dejjem għad baqgħalna x’nitgħallmu, ngħid għalija jien nitgħallem kuljum, u speċjalment minn min jaħseb li ma jafx.

Tant kienet esperjenza ‘enriching’, jiġifieri li għamlitli ġid li diġà meta kont għadni hemm niżżilt l-esperjenza tiegħi fuq karta u bgħattha lill-Papa għax ħassejt li kienet tkun ta’ inkuraġġiment għalih li ngħidlu kemm l-Eżortazzjoni tiegħu dwar iż-żgħażagħ ‘Christus vivit’ hemm hekk kienet realtà.

Kellek xi kuntatti oħra għajr dawk mal-komunità CSE, Community of Saint Elijah?

Iva. Għax Patri Joseph, li ħa ħsieb jakkumpanjani kuljum u biex ngħid hekk kull mument li domt hemm, kien ħaseb biex niltaqgħu mal-fundatur tagħhom, mal-Isqof tal-post u man-Nunzju. U hekk ġara.

Interessanti li dan in-Nunzju, Mons. Piero Pioppo, kien mar iżurhom fil-jum tal-festa ta’ Sant’Elija u wara, meta l-komunità bagħtet tirringrazzjah taż-żjara li għamlilhom talbuh jekk nistax jien li kont se nkun hemm inqaddes fin-Nunzjatura miegħu l-Ħadd qabel ma niġi lura.

In-Nunzju jistieden għall-quddiesa tal-Ħadd kor dejjem minn parroċċa differenti u l-knisja, għalkemm żgħira, timtela’ daqs bajda għax mal-kor jattendu wkoll xi parruċċani.

In-Nunzju ħa ħafna pjaċir bina, bagħat xi tislijiet miegħi għall-Arċisqof Mons. Scicluna u l-Arċisqof Mons. Xuereb, kif ukoll għall-Arċisqof Mons. Caputo li magħhom kien ħadem għal xi snin il-Vatikan.

Għoġbu wkoll jibgħat bil-posta diplomatika l-ittra tiegħi lill-Papa. Ma nafx waslitlux s’issa! Fiha kont tlabtu jbierek lill-komunità li tant ħabbewni u daru bija, kif ukoll lili.

Tikkunsidra li terġa’ tmur għal esperjenza simili?

Iva. Anzi nixtieq immur nevanġelizza fil-pajjiżi qrib tagħhom. Dejjem kelli x-xewqa. Fil-fatt Patri Joseph diġà bagħatli d-diskors konklużiv tal-Kapitlu Ġenerali tal-Karmelitani li għadu kemm ġie fi tmiemu.

Anki jekk tkun l-Isqof il-ġdid t’Għawdex?

Hekk ma nafx ngħidlek, għax għadni mhux f’dik il-pożizzjoni. Intant inħallu f’idejn Alla, kif jagħmel Hu, jagħmel l-aħjar.

Ix-xogħol tagħna hu li ma ntellfuhx. Però nirrepeti, avolja jien ma kontx nieqes minn esperjenzi ta’ pastorali barra minn Malta bħalma huma l-Filippini, l-Argentina, il-Kolombja… il-pajjiżi tal-Lvant Ewropew speċjalment wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, imma xorta ħassejt li kelli bżonn at this point in time, issa li għandi sittin sena tondi, tondi, nibqa’ nixxennaq għall-għerf u t-tagħlim.

Grazzi ta’ din il-possibbiltà li naqsam mal-qarrejja din l-esperjenza sempliċi imma għalija sinifikattiva tiegħi li forsi minnha jista’ joħroġ xi ġid ukoll vokazzjonali kif xtaq Mons. Mario għal din is-Sena Pastorali fid-Djoċesi ta’ Għawdex.