Budget 2020 Lokali

Għada t-tweġiba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għad-diskors tal-Budget

Adrian Delia bi proposti konkreti biex pajjiżna joħroġ mill-problemi li ġab Gvern Laburista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għada fil-Parlament waqt id-diskors ta’ tweġiba għall-Baġit tal-Gvern imressaq nhar it-Tnejn li għadda, se jagħti rendikont dettaljat tal-proposti konkreti tal-Partit Nazzjonalista li l-iskop tagħhom hu li pajjiżna joħroġ mill-problemi li daħħalna fihom il-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma maħsuba biex fuq kollox il-vulnerabbli, id-dgħajfa u dawk fix-xifer tal-faqar ikunu megħjuna b’mod konkret ħalli ma jibqgħux jgħixu fl-inċertezza.

Hawn għexieren ta’ eluf ta’ Maltin  li b’riżultat tal-għoli tal-ħajja u ż-żidiet qawwija fil-kirjiet, illum qed jgħixu ħajja mhux diċenti għar-raġuni li d-dħul tagħhom hu ferm lil hinn milli jpaċu l-ħruġ li jkollhom ta’ kull xahar.

Għandna sitwazzjonijiet mill-aktar komuni iżda mill-iżjed realistiċi ta’ familji fejn id-dħul tagħhom hu limitat ħafna – probabbilment il-paga minima biss – li qed isibuha diffiċli mhux biss biex jagħmlu kapriċċ, imma biex jgħixu ħajja deċenti.

Hemm ukoll madwarna bosta li qed jgħixu f’garaxxijiet mingħajr is-servizzi l-aktar bażiċi. Saħansitra hawn min qiegħed jgħix f’karavans jew, saħansitra, hawn min qiegħed jorqod barra.

Kemm anzjani għandhom problemi serji ta’ għajxien għaliex il-pensjoni ma sservihomx? U dan minkejja li dawn l-anzjani jiċċaħħdu mill-aktar oġġetti essenzjali tal-ħajja.

Quddiem dan kollu l-Gvern la ried jisma’ u jikkonsulta qabel il-Baġit, u issa fil-baġit wera li jiġi jaqa’ u jqum minn dawn ir-realtajiet diffiċli li qed ngħixu ta’ kuljum.

Jekk għall-Gvern l-individwu fit-tbatija u fl-inċertezza m’għandu l-ebda sinifikat, għall-Partit Nazzjonalista l-impenn hu li ħadd ma jaqa’ lura. U hu għalhekk li għada l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jkun qed iwassal għadd ta’ proposti f’dan is-sens, fosthom li l-Gvern jeħtieġ li bis-serjetà jibda jindirizza l-kwistjoni tal-faqar. Fil-pajjiż l-għadd ta’ persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew inkella li diġà qed jgħixu fil-faqar, hu ta’ 88,777. Din hi ċifra fl-aħħar tas-sena 2018 li turi qabża miċ-ċifra ta’ 82,652 fis-sena ta’ qabel.

Għada Adrian Delia se jkun qed jinsisti mal-Gvern li jeħtieġ li jibda jifhem li l-kundizzjonijiet xejn xierqa tax-xogħol fil-pajjiż qed iwasslu għal żieda fil-faqar minħabba li d-dħul mhux ilaħħaq mal-ħruġ kemm tal-familja b’mod inġenerali, kif ukoll ta’ individwi li qed ikollhom spejjeż ferm aktar mid-dħul.

Adrian Delia għada se jappella wkoll lill-Gvern li jeħtieġlu japprezza wkoll li hemm ukoll il-kwistjoni tal-faqar fost l-anzjani minħabba li l-pensjonijiet mhumiex ilaħħaqu mal-bżonnijiet tal-istess anzjani. Fi ftit kliem il-pensjonijiet illum ma għadhomx adekwati biex l-anzjani jgħixu ħajja deċenti. Għalhekk il-proposta tal-Partit Nazzjonalista hi ċara u diretta: hu meħtieġ li l-pensjonjiet ikunu mtejba u jkunu adekwati għaż-żminijiet tal-lum biex l-anzjani jgħixu ħajja deċenti.

Jekk dawn huma wħud mill-proposti għall-ġlieda lill-faqar mill-Partit Nazzjonalista,  għada l-Kap tal-Partit Adrian Delia se jkun qed jelabora mhux biss dwarhom, imma anki dwar il-proposti għas-setturi tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tax-xogħol u tas-Saltna tad-Dritt.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għad-diskors tal-baġit, Adrian Delia fisser li l-Baġit 2020 ma jsolvi xejn mill-problemi li ħoloq il-Gvern Laburista stess. Baġit xott mill-ideat u mis-soluzzjonijiet ġodda. Baġit b’wegħdiet riċiklati li ma twettqux fis-snin li għaddew.

Meta f’nofs din il-ġimgħa s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Pulì, li hu wkoll il-Kelliem għall-Edukazzjoni, ta r-reazzjoni tiegħu għas-settur tal-edukazzjoni, bir-raġun irrimarka li dan kien Baġit li jikkonferma kemm dan hu Gvern bla pjan u proposti fl-edukazzjoni u għall-għalliema.

Hu għalhekk li għada l-Kap tal-Oppożizzjoni se jitkellem dwar kif għall-Partit Nazzjonalista l-għalliema huma kkunsidrati bħala s-sinsla tan-nazzjon għaliex huma jitrasmettu l-valuri u l-idenità tan-nazzjon. Dan filwaqt li l-Gvern ripetutament wera bl-aktar mod ċar li hu ma japprezzax is-sagrifiċċji kbar li jagħmlu l-għalliema Maltin u Għawdxin.

Adrian Delia għada se jkun qed jitkellem dwar il-problema kbira tan-nuqqas ta’ għalliema u kif il-Gvern Laburista, biex din l-isfida ma tidhirx u ma tinħassx, qed jara li jqassam iktar tfal f’inqas klassijiet.

Anki fir-rigward tas-Saħħa l-Gvern fil-Baġit juri nuqqas kbir ta’ viżjoni kif se jnaqqas il-waiting lists. Għada l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jkun qed jitkellem dwar kif għall-Partit Nazzjonalista hu inaċċettabbi li l-waiting-lists għal ċerti apputamenti, inkluż appuntamenti fl-Out-Patients, huma twal ħafna tant li appuntamenti jingħataw għal erbgħin ġimgħa wara!

Adrian Delia għada se jispjega wkoll kif dan jista’ jwassal mhux biss biex il-pazjenti ma jingħatawx il-kura li jkunu meħtieġa, iżda li l-istess kundizzjonijiet li jkollhom ċerti pazjenti jkompli jiddeterjoraw b’dannu għal saħħithom. Hu tal-mistħija l-fatt li fil-preżent hemm mat-63,000 pazjent jistennew li jingħataw l-ewwel appuntament għall-Out-Patients.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għar-rigward tas-settur tas-saħħa huma bosta għaliex jifhem li għall-bniedem is-saħħa tiġi l-ewwel. Għalhekk għada Adrian Delia se jfisser kif hu tat-tħassib li skont The Euro Health Consumer Index 2018 maħruġ minn Health Consumer Powerhouse, Malta tinsab fis-27 post għar-rigward tas-saħħa. Dan ifisser li Malta waqgħet tliet postijiet lura mis-sena ta’ qabel.

Kif daqstant ieħor hu tat-tħassib il-fatt li minkejja li l-għadd ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku fl-aħħar sitt snin kompla jiżdied, l-għadd ta’ persuni li jservu fil-qasam tas-saħħa baqa’ li kien u dan ifisser li għal xi raġuni s-settur tas-saħħa mhux jattira ħaddiema lejh. Dan hu ta’ tħassib għaliex fih innifsu qiegħed iħalli impatt negattiv fuq il-pazjenti.

Fid-Diskors tal-Baġit nhar it-Tnejn li għadda l-Ministru tal-Finanzi kompla jiftaħar dwar is-surplus, iżda ftit li xejn qal kif dan il-ġid se jinxtered mal-Maltin u l-Għawdxin kollha biex kulħadd igawdi mis-surplus.

Bir-raġun kollu li Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, b’reazzjoni għall-Baġit qal li bis-surplus li tant jiftaħar bih il-Gvern Laburista, fil-Baġit ma kenux indirizzati l-isfidi li qed jiffaċjaw il-ħaddiema u l-familji.

Josef Vella sostna li dak li hu tal-ħaddiem kellu jingħata kollu, u li ma jistax ikun li ngħatat żieda bħal dik, meta l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bħall-fjuwil, il-ħalib u l-ħobż baqgħu jogħlew.

Għada Adrian Delia se jkun qed jitkellem dwar kif dan il-Baġit ma jipproponix tkattir ta’ setturi ekonomiċi ġodda, ħlief bit-tkabbir tal-popolazzjoni; ma jipproponix kif se jħajjar aktar għalliema b’kundizzjonijiet aħjar u b’aktar inċentivi; ma jipproponix kif se jtejjeb il-ħajja tal-middle class; ma jipproponi xejn dwar l-adekwatezza tal-pensjonijiet; ma jipproponix kif se jissalvagwardja l-biedja f’pajjiżna; u lanqas kif se jindirizza b’serjetà t-tibdil fil-klima.

Għada wkoll Adrian Delia se jkun qed juri t-tħassib tiegħu kif f’dan ix-xenarju kollu mbagħad hemm il-persistenza tat-tnawwir istituzzjonali u t-theddida għas-Saltna tad-Dritt.