Sport

Għawwiema paralimpiċi fit-tieni programm Sport Extra

Illum fil-5.00pm fuq Net Television jixxandar it-tieni programm Sport Extra għal din is-sensiela. Fil-programm apparti servizzi dwar is-suċċess tat-tim nazzjonali tal-waterpolo li kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Budapest f’Jannar li ġej kif ukoll dwar il-Kampjonat Nazzjonali tat-Triathlon, it-tema ewlenija fl-ewwel parti tal-programm huma l-għawwiema paralimpiċi.

Fil-ġranet li għaddew, Charles Camenzuli ltaqa’ ma’ Maja Theuma u Thomas Borg li flimkien mal-kowċ tagħhom Edward Caruana Dingli ħadu sehem fil-Kampjonati tad-Dinja għal għawwiema paralimpiċi. Fit-tieni parti, l-intervista esklussiva hi ma’ Oksana Omelianchik meqjusa bħala waħda mill-aqwa ġinnasti tal-eks Unjoni Sovjetika fis-snin 80.

Sport Extra għandu produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli b’muntaġġ tas-servizzi minn Samira Cachia Spiteri u filmati ta’ Michael Farrugia, Keith Mizzi u Ramon Farrugia.