Lokali

Ġlied bejn Kunsillieri Laburisti f’Għawdex joħroġ fil-beraħ

L-animożità bejn Kunsillieri Laburisti f’Għawdex, b’mod partikulari dawk li jappoġġjaw lill-Ministru Justyne Caruana u dawk li jappoġġjaw lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, kulma jmur qed toħroġ aktar fil-beraħ u dan hu rifless ukoll f’battibekki u f’tgħajjir li qiegħed ikollhom bejniethom.

Każ parikulari seħħ f’dawn il-jiem meta dik li kellha tkun laqgħa bejn il-Kunsill Lokali tal-Qala b’maggoranza Laburista u ufficjali ta’ Transport Malta, biex tkun diskussa r-rotta tal-karozza tal-linja tal-Qala, inbidlet fi ġlieda kbira fi Triq il-Kunċizzjoni biswit ir-residenza tas-Sindku Laburista Paul Buttigieg.

Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista stess li tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ il-mument fissru li kollox beda meta s-Sindku beda jisħaq li t-triq ta’ quddiem ir-residenza tiegħu ma kenitx tiflaħ għat-trakkijiet kollha li jgħaddu għall-barrieri li hemm fl-istess raħal, kif ukoll għall-karozzi tal-linja.

Dan għaliex fil-ħin li l-karozzi privati tar-residenti jkunu jistgħu jiġu pparkjati f’din it-triq, kienet se tinħoloq konġestjoni kbira. Qablu ma’ dan numru ta’ residenti li ħarġu fit-triq jilmentaw li minħabba d-djuq tat-triq u t-traffiku kbir li jgħaddi minn hemm, qed ikollhom ibatu ta’ kuljum.

Kien f’dan il-ħin li l-Viċi Sindku Laburista Ivan Cefai u l-Kunsillier Laburista Joseph Buttigieg, li kulħadd jaf kemm ma jarawx għajn m’għajn mas-Sindku, bdew jargumentaw mas-Sindku dwar dak li kien qed jipproponi.

Min-naħa tiegħu s-Sindku, u anke xi familjari tiegħu, irribattew u saħasitra saħqu biex dawn iż-żewġ kunsillieri ma jibqgħux jagħmlu bsaten fir-roti lis-Sindku u jħalluh jaħdem bil-kwiet.

Il-ġlieda bil-kliem kompliet teskala bir-residenti jippruvaw jikkalmawhom imma l-qiegħa kompliet tisħon.

Dwar dan kollu, il-mument irnexxielu jitkellem ukoll ma’ residenti li kienu fil-post waqt dawn ix-xenati kollha u  stqarrew li qam ukoll l-argument li dawn iż-żewġ Kunsillieri Laburisti li huma mitħla sew tas-Segretarju Parliamentari Clint Camilleri, qabel l-elezzjoni li għaddiet immanuvraw kemm felħu biex iqaċċtu lil Paul Buttigieg minn Sindku u saħansitra anke mill-Kumitat tal-Partit Laburista tal-Qala għar-raġuni li hu kanvasser tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Għalkemm wara ħafna manuvrar minn taħt irnexxilhom jagħmlu votazzjoni u jqaċċtu lis-Sindku mill-Kumitat Laburista tal-Qala, mhux hekk ġara ftit tax-xhur wara meta Paul Buttigieg reġa’ kien elett Sindku tal-lokalità.

Dakinhar li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, dik li kellha tkun festa tar-rebħa fil-Qala, quddiem il-każin tal-Partit Laburista, spiċċat tħassret għax il-pjan li jqaċċtu lil Paul Buttigieg minn Sindku għosfor fix-xejn.

Persuni li dakinhar li tħabbar ir-riżultat kienu fil-counting hall, stqarrew magħna li malli dawn iż-żewġ Kunsillieri Laburisti kellhom indikazzjoni li s-Sindku kien se jkun ikkonfermat, huma flimkien mas-Segretarju Parliamentari Clint Camilleri telqu ‘l barra ħesrem u ħallew lis-Sindku Paul Buttigieg jiċċelebra waħdu.

Residenti li tkellmu magħna stqarrew li fir-rahal tal-Qala hu sigriet magħruf li dawn iż-żewg Kunsillieri ġodda Laburisti qed jagħmlu minn kollox biex is-Sindku ma jkunx jista’ jwettaq il-programm ta’ ħidma tiegħu.

Kien is-Sindku stess li tkellem ma’ xi residenti fejn qalilhom li f’laqgħa riċenti tal-Kunsill, il-Viċi Sindku Ivan Cefai ressaq mozzjoni kontra deċiżjoni li kien ħa s-Sindku stess fil-laqgħa preċedenti.

L-istess residenti jinsabu urtati li dawn il-Kunsillieri mhumiex qed jipprattikaw dak li ppritkaw qabel l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali, li huma kienu se jġibu l-għaqda li kien hemm bżonn fir-raħal.

Kollox jindika li dawn iż-żewġ Kunsillieri Laburisti, li t-tnejn kienu qed ipinġu lilhom infushom fit-tmun tal-Kunsill Lokali qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li għadda, għadhom ma aċċettawx il-fatt li ma ħadux l-ogħla kariga fil-Kunsill.

Dak li qabel kien manuvrar minn taħt, issa tant ħareġ fil-pubbliku, li proprju f’dawn il-jiem ir-residenti Qalin setgħu jaraw b’għajnejhom din il-ġlieda fit-toroq tal-Qala fost għajjat, insulti u kliem baxx.