Internazzjonali

Hong Kong: Aktar inċidenti fost attakk fuq għassa tal-pulizija

Grupp ta’ dimostranti f’Hong Kong tefgħu l-bombi tal-petrol lejn għassa tal-pulizija fost il-vjolenza li ddominat marċ li saret bi sfida għal projbizzjoni min-naħa tal-awtoritajiet.

Id-dimostrazzjoni – minn zona kummerċjali ewlenija – attirat l-eluf tan-nies wara li l-awtoritajiet ma tawx permess għall-marċ minħabba t-tħassib dwar l-ordni pubblika.

Intant, grupp ta’ dimostranti lebsin l-iswed attakkaw l-għassa ta’ Tsim Sha Tsui, fost rapporti li numru ta’ ħwienet u banek Ċiniżi spiċċaw ivvandalizzati.

Wara li d-dimostranti taw in-nar lill-grada tal-għassa, il-pulizija wieġbu bl-isparar tal-gass tad-dmugħ filwaqt li użaw ukoll il-kanuni tal-ilma għal fuq in-nies.

It-territorju ta’ Hong Kong ilu għaddej mill-protesti favur id-demokrazija għal aktar minn erba’ xhur.

L-inkwiet fl-eks kolonja Britannika, li hi parti miċ-Ċina filwaqt li tgawdi minn sistema ta’ libertà ‘unika’, jirrappreżenta l-akbar kriżi mindu l-Britanniċi, fl-1997, għaddew is-sovranità fuq Hong Kong lill-awtoritajiet komunisti f’Beijing.