Ekonomija Lokali

Kurt Farrugia b’pakkett finanzjarju li jilħaq il-€180,000

Somma fenomali li jasal għaliha fi żmien 9 snin

L-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, ma jidhirx li għadu ddispjaċut li ħalla l-kariga li kellu f’Kastilja, hekk kif il-Gvern issa offrielu pakkett finanzjarju formidabbli ta’ aktar minn €120,000 fl-ewwel sena biss bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.

Dan ħareġ minn stħarriġ tal-gazzetta The Sunday Times of Malta wara talba li għamlet lill-Malta Enterprise permezz tal-Att dwar il-Libertà tal-Espressjoni.

Min-naħa l-oħra, it-Tnejn li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern Laburista din is-sena se jkun qed jagħti żieda ta’ €3.49 biss fil-ġimgħa għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Meqjusa bħala waħda mill-aktar karigi b’pakkett finanzjarju mlaħħam li uffiċċjal pubbliku qatt jista’ jkollu, Kurt Farrugia ġie ngaġġat mingħajr sejħa pubblika u fuq struzzjonijiet diretti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

B’daqqa ta’ pinna minn Kastilja, il-paga ta’ Kurt Farrugia ttriplat, b’salarju bażiku li jibda b’€105,000 u tiżdied b’aktar minn €26,000 meta wieħed iqis il-performance bonuses u d-distrubance allowances – id-doppju tal-paga li jaqla’ l-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan meta qabel kellu €34,000 u madwar €11,000 f’żidiet addizzjonali.

Minbarra ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja, ma jonqsux żidiet oħrajn, bis-salarju bażiku jiżdied b’€5,000 kull sena fuq disa’ snin għal €145,000 u l-performance bonus b’żieda ta’ €1,000 kull sena għal €29,000. Finalment, fid-disa’ sena, jibda jaqla’ kważi €180,000, jiġifieri t-triplu tal-paga tal-Prim Ministru u ħames darbiet aktar mill-paga li kellu l-eks Ġurnalist tas-Super 1 f’Kastilja.

Kurt Farrugia hu magħruf għal kemm hu qrib il-Prim Ministru Muscat, saħansitra sa minn meta t-tnejn li huma kienu għadhom impjegati tal-media Laburista. Fil-fatt, meta Muscat kien elett bħala Membru Parlamentari Ewropew, għażel direttament lil Farrugia biex jieħodlu post fit-tmexxija tas-sit elettroniku maltastar.com.

Malli laħaq Prim Ministru, kienet naturali li Muscat isejjaħ lil Kurt Farrugia biex jieħodlu ħsieb il-komunikazzjoni tal-Gvern. U issa li Muscat qed iħejji ruħu biex jerħi r-riedni ta’ Kastilja, ra li l-istess Farrugia jsib post stabbilit – f’dan il-każ mal-Malta Enterprise.

Sadanittant, dawn iż-żidiet eżaġerati fil-paga tal-eks Ġurnalist tal-media Laburista kienu approvati kollha mill-Bord tad-Diretturi ta’ din l-aġenzija pubblika, li ddeċieda wkoll li Farrugia jingħata €5,000 oħra addizzjonali bħala disturbance allowance talli jsiefer ta’ spiss.

Kurt Farrugia se jkun intitolat ukoll għall-polza tal-assigurazzjoni personali ġeneruża ħalli l-eredi tiegħu jkunu intitolati għall-ħlas ta’ €450,000 f’każ ta’ mewt waqt li qiegħed jagħti servizz lill-Malta Enterprise.

Il-familja immedjata wkoll se tgawdi minn polza tas-saħħa internazzjonali, li tlaħħaq madwar €4,000 fis-sena, kif ukoll karozza mikrija bil-fuel imħallas u spejjeż anċillari mħallsa mill-Malta Enterprise.