Eluf kbar ta’ nies inġabru, f’Bejrut, għar-raba’ jum ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern, bl-osservaturi jemmnu li din hi ‘l-akbar manifestazzjoni ta’ rabja s’issa’ fil-konfront tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Saad Hariri.
Dan meta Hariri impenja lis-sieħba fil-koalizzjoni biex jappoġġjaw pakkett għal riformi bil-ħsieb li jsaħħu l-finanzi tal-Gvern u jaċċertaw id-distribuzzjoni mill-aktar fis tal-għajnuna ekonomika mingħand id-donaturi.
Mistenni wkoll li Hariri, fis-sigħat li jmiss, jagħmel diskors speċifiku dwar is-sitwazzjoni, bil-pressjoni qed tiżdied fuq il-Ministri tiegħu biex isibu soluzzjoni għall-kriżi.
In-nies ta’ kull età, issa, imlew il-pjazza ċentrali ta’ Bejrut fost tixjir ta’ bnadar tal-Libanu u għajjat li ‘il-poplu jrid iwarrab lir-reġim preżenti’.
Id-dimostrazzjonijiet ta’ protesta huma l-akbar fil-Libanu għal ħames snin u qed jinfirxu minn Bejrut lejn il-bliet prinċipali oħrajn tal-pajjiż. L-inkwiet u l-‘arja ta’ rewwixta’ splodew wara li l-Gvern ta’ Hariri ippropona taxxi ġodda bħala parti minn miżuri ta’ sigurtà fost kriżi ekonomika li qed tikber.
Id-dimostrazzjonijiet qed jirriflettu rabja speċjali għal klassi ta’ amministraturi li kkonsolidaw il-poter għalihom u meta ilhom jaħżmu l-ġid għal għexieren ta’ snin.
L-istess amministraturi, intant, għamlu ftit li xejn biex jirranġaw l-ekonomija nazzjonali li qed taqta’ dejjem lura u bil-Libanu jbati wkoll minn infrastruttura dilapidata.
Il-protesti fil-Libanu qegħdin jattiraw in-nies minn kull settur soċjali u reliġjuż li qegħdin jingħaqdu f’kor wieħed kontra l-Gvern.
Ir-rapporti qed jgħidu li l-Lebaniżi minn kull denominazzjoni – minn Kristjani sa Musulmani Sunniti u Musulmani Xija – qegħdin jinsistu għar-riżenja tal-Gvern tal-Prim Ministru Hariri. Ir-rabja popolari, intant, tibqa’ immirata għall-politiċi minn diversi oqsma u irrispettivament mill-bixra reliġjuża tal-istess politiċi li jiffurmaw parti minn elit stabbilit fil-Libanu.
//= $special ?>