Lokali

Malta trid tagħraf tgħix fil-limitazzjonijiet ta’ gżira – L-espert dwar sostenibbilta’ Dr Arthur Dahl

“Nappella għall-għaqda. Nappella biex l-organizzazzjonijiet differenti f’Malta, għaqdiet reliġjużi, xjentisti, riċerkaturi u kull min hu konxju mill-urġenza għall-bidla fil-klima, biex jingħaqad flimkien biex titwassal vuċi waħda għall-bidla radikali li tqanqal lill-politiċi jisimgħu, jagħtu kas u jirrispondu għal dawn l-appelli.”

Dan l-appell imqanqal sar mill-espert internazzjonali b’esperjenza ta’ 50 sena fil-qasam tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, Dr Arthur Dahl, President tal-Forum Internazzjonali dwar l-Ambjent u Eks Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonaijiet Uniti (UNEP).

F’intervista ma’ il-mument, Arthur Dahl saħaq li l-gżejjer kollha jridu jirrikonoxxu li jridu jgħixu b’limitazzjonijiet. Ma jistgħux ikollhom kollox. Jekk gżira żgħira ma tagħrafx tgħix fil-limitazzjonijiet tagħha, tasal f’mument fejn bilfors tikkollassa. Jekk gżira bħalma hi Malta tibqa’ tagħti importanza biss li tikber ekonomikament bla limitazzjonijiet, titkisser u tikkollassa.

Kull gżira żgħira trid tevita li tasal sal-punt li tikkollassa kawża ta’ tkabbir li ma tkunx tiflaħ għalih. Għaldaqstant, l-għaqal hu li jinstab bilanċ bejn il-limitazzjoni tal-gżira u t-tkabbir ekonomiku u dan għaliex ma jistax pajjiż ikollu tkabbir mingħajr kontroll ta’ xejn f’dak li hu l-aspett materjali. Gżira żgħira ma tiflaħx u ma tistax issir Singapor.

Pajjiż bħalma hu Malta jrid iżomm bħala punt importanti ta’ tluq, il-kultura tal-poplu u l-għeruq tas-soċjetà meta jiġi biex ifassal il-viżjoni ekonomika fid-dawl tas-sostenibbiltà ekonomika tal-gżira. Il-bilanċ bejn l-iżvilupp urban mal-ambjent rurali huwa ferm importanti u jeħtieġ li l-gżejjer żgħar b’mod partikulari jifhmu dan il-bilanċ u jsarrfuh f’azzjoni.

Valur lill-għeruq  tas-soċjetà

Mhux għaqli li gżira tpoġġi bħala l-mira ewlenija tagħha li ssir sinjura minn setturi ekonomiċi kbar li jafu jkunu ta’  ħsara kbira fuq il-popolazzjoni għaliex joħonqu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu. “Nerġa’ ntenni li hemm bżonn li soċjetà li tgħix fi gżira tagħti valur lill-għeruq  tas-soċjetà u mhux titbiegħed minnhom askapitu tat-tkabbir ekonomiku bla kontroll. Hemm aktar valuri minn dak li pajjiż isir sinjur minn industriji kbar li jħallu l-profitti u l-fus.

“Hu importanti li bħala poplu li jgħix fi gżira, il-Maltin ukoll jagħmlu l-mistoqija: X’inhuma l-valuri tas-soċjetà u kif is-soċjetà tista’ tippriserva  l-kwalitajiet u dak li jagħmluha soċjetà b’saħħitha? Dan hu importanti biex soċjetà fi gżira żgħira ma tinħakimx minn problemi li jwassluha għall-kollass.

Għalhekk kull gżira għandha tanalizza u tfassal linji gwida, bħala eżempju, anke fuq in-numru ta’ karozzi li tiflaħ fit-toroq.

Qudddiem ir-realtà li qed taffaċċja Malta u r-rapporti u l-istatistika li qed tiġi ppubblikata b’rabta maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni kawża tal-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin għal ċertu xogħlijiet f’setturi partikolari tal-ekonomija, Arthur Dahl qal li l-istatistika u r-rapport jitkellmu waħedhom.

Semma kif l-isfida ewlenija meta jiġu biex jitfasslu strateġiji għall-iżvilupp sostenibbli, hi li jridu jintużaw l-indikaturi t-tajbin – li f’ħafna mill-każi dan ma jsirx u minflok jintużaw indikaturi ħżiena. Meta nħarsu lejn it-tkabbir bħala riżultat tal-Prodott Gross Domestiku naraw kif dan it-tkabbir jiġġenera d-dħul, imma meta jkun bla limitu ma jissarrafx fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Tkabbir ekonomiku bla kontroll jikkawża impatt negattiv fuq is-soċjetà. Tkabbir fil-popolazzjoni li jiġġenera dħul aktar għall-ekonomija tal-pajjiż, jissarraf f’aktar inċidenti tat-traffiku fit-toroq u f’aktar nies li jiddaħħlu għall-kura fl-isptarijiet. Dan ma jikkawżax kwalità ta’ ħajja aħjar. Hu għalhekk li gżira bħalma hi Malta trid tagħti importanza kbira lis-sostenibbiltà ekonomika u l-effett li l-iżvilupp iħalli fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà.

Hu fatt li f’ekonomija li tkun qed tikber bla limitazzjonijiet, u li tkun aktar sinjura ma jfissirx li s-soċjetà tkun aktar kuntenta. Il-poplu li jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tiegħu u jagħti importanza lill-valuri, ikun poplu aktar kuntent.

Nistaqsi, fejn qed jgħixu u x’inhi l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema barranin li qed jiġu Malta? Hi din il-kwalità tal-ħajja ta’ għada tal-poplu Malti?

L-ekonomija ta’ Malta għandha sservi lill-poplu ta’ Malta

L-ekonomija ta’ Malta għandha tkun biex isservi lill-poplu ta’ Malta u għaldaqstant l-ekonomija għandha timxi f’direzzjoni li taqdi l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti. Dawn huma l-mistoqsijiet u l-argumenti li jridu jwieġbu l-politiċi u kulmin hu parti mill-istrateġija ekonomika u soċjali tal-poplu.

Hu saħaq li rridu naħdmu biex nevitaw li s-soċjetà tikkollassa wara li poplu jkun eżawrixxa l-limitazzjonijiet tiegħu b’mod esaġerat. Id-dinja qiegħda tersaq lejn il-limitazzjonijiet tagħha u l-gżejjer żgħar iridu joqogħdu aktar attenti biex jitbiegħdu milli jaqbżu l-limitazzjonijiet tagħhom għax ma jagħrfux dawn il-limitazzjonijiet.

Għall-gżejjer żgħar, dan hu punt kritiku ħafna li poplu fi gżira ma jasalx sal-punt li jaqbeż il-limitazzjonijiet tiegħu iżda gżira trid issib il-bilanċ meħtieġ biex it-tkabbir ekonomiku ma jikkawżax impatt negattiv fuq is-soċjetà. It-tkabbir ekonomiku għandu jieħu kunsiderazzjoni tad-dimensjonijiet kollha tas-soċjetà.

Mitlub jikkummenta dwar id-deċiżjonijiet li jdawru r-rotta li miexi fiha pajjiżna bil-politika kif imħaddma mill-gevrn preżenti, Arthur Dahl qal li tanker kbir ma tistax iddawwarlu d-direzzjoni f’daqqa. L-isfida llum fuq id-dinja kollha hi li l-bidla fil-klima hi meħtieġa b’mod urġenti. Għalhekk fl-aħħar ġimgħat mad-dinja kollha rajna protesti kbar b’eluf ta’ nies joħorġu fit-toroq fl-Ewropa jappellaw għal azzjoni biex insalvaw il-klima u d-dinja. L-isfidi fl-industrija tal-enerġija qegħdin isiru aktar allarmanti u ma fadlilnix wisq żmien biex noqogħdu naħsbu jekk għandniex nieħdu azzjoni favur enerġija aktar nadifa. Hi realtà li m’għandniex aktar żmien u rridu nibdew nieħdu l-azzjonijiet fl-immedjat u b’urġenza.

Spjega li x-xjenza u t-tibdil fil-klima qed juruna li qed nesperjenzaw maltempati kbar ta’ xita u fenomeni oħrajn serji li jirriżultaw bit-tibdil fil-klima li hawn fuq din il-pjaneta. Irridu nibdew nieħdu azzjoni b’deċiżjonijiet konxji li jagħmlu lanqas ħsara llum fuq is-soċjetà.

Il-politiċi, l-ispeċjalisti u l-istrateġisti fis-settur tal-enerġija jridu jieħdu d-deċiżjonijiet li jwasslu għal sistemi ġodda li ma jikkawżawx aktar bidliet  fil-klima. Hu hawnhekk fejn gżejjer żgħar għandhom jimirħu f’industriji ġodda u jkunu fil-futur pijunieri ta’ avvanzi teknoloġiċi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Industriji fix-xjenza jistgħu jikbru mingħajr limitu

Industriji fix-xjenza, fl-arti, fil-kultura, fis-sbuħija u f’oqsma oħra li jagħmlu effett pożittiv fil-ħajja tal-bniedem jistgħu jiżviluppaw u jikbru mingħajr limitu. Dawn huma industriji li joħolqu soċjetà b’valur sinjur u li tgħix f’sempliċità – f’ħajja  ħielsa mill-materjaliżmu. Din għandha tkun it-triq ta’ Malta u d-direzzjoni li għandha tieħu s-soċjetà Maltija.

Irrimarka wkoll li sfortunatament, il-politiċi b’responsabbiltà li jiggvernaw huma l-aħħar nies li jirrealizzaw il-bżonn ta’ bidla u l-urġenza favur is-soċjetà. Il-futur tal-ġenerazzjonijiet futuri huwa mhedded u l-ġenerazzjoni żagħżugħa llum qed tipprotesta fit-toroq tad-dinja kollha titlob għall-bidla u għal azzjoni.

5,000 student f’Ġinevra mmarċjaw fit-toroq tal-Iżvizzera jappellew favur il-bidla fil-klima u għal żvilupp sostenibbli. Mitt elf persuna protestaw f’marċ fil-belt kapitali Berlin – fejn ingħaqdu organizzazzjonijiet, rappreżentanti tas-soċjetà waqt li l-qniepen tal-knejjes dwew ma’ kullimkien bħala sinjal ta’ għaqda favur il-bidla fil-klima.

Jekk is-soċjetà tibda tistaqsi u tappella għall-bidla, il-politiċi jkollhom iwieġbu fl-interess tas-soċjetà li jirrappreżentaw. Irridu ħidma flimkien biex isseħħ din il-bidla tant meħtieġa fil-ħsieb u fit-tfassil tal-istrateġiji għall-futur favur il-klima bi żvilupp sostenibbli.

Appell għal bidla radikali fil-klima u fl-ambjent

Jekk ma nagħmlux bidla radikali fil-klima u fl-ambjent li ngħixu wara li tlifna għexiren ta’ snin, serje ta’ kastrofi jinsabu f’xifer l-irdumijiet biex iseħħu. Dan japplika wkoll għas-settur finanzjajru dinji fejn id-dejn fid-dinja qiegħed jiżdied wara li ekonomiji kbar fid-dinja ma tgħallmux mill-kriżi finanzjarja dinjija tal-2008. Ħafna gvernijiet huma fi kriżi finanzjarja. Hawn ukoll, id-dinja għandha quddiemha bużżieqa kbira li għad trid tinfaqa’.

Il-bidla fil-klima qed toħloq ukoll aktar kriżijiet bħalma hu fil-qasam tas-saħħa, waqt li l-bijodiversità qed tisparixxi. Dawn huma serje ta’ kriżijiet li qed iressqu lid-dinja lejn ix-xifer.

M’għandniex żmien biex inwettqu l-bidliet b’mod gradwali

Hu għalhekk li m’għandniex aktar żmien biex inwettqu l-bidliet b’mod gradwali għaliex ittratejna żżejjed biex nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Issa rridu azzjoni flimkien u b’saħħitha mingħajr ma niżbaljaw.

Irridu naħsbu kif inkissru l-mudelli ekonomiċi li qed jissarrfu f’dinja materjalista u nibnu sistemi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli li minnu tgawdi s-soċjetà u li fuq kollox jindirizza l-ħtiġiet tal-individwi.

Arthur Dahl temm jikkummenta li l-politika trid titfassal fuq riċerka xjentifika tajba u fuq valuri li jagħmlu lill-bniedem persuna sħiħa u għadaqstant irridu naħdmu flimkien, għall-bidla li hi meħtieġa, bil-midja għandha wkoll rwol kbir f’din il-bidla tant urġenti.

Fl-aħħar jiem Dr Arthur Dahl ta diversi taħditiet f’pajjiżna dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-importanza taż-żgħażagħ fis-soċjetà tal-lum. Hu membru wkoll impenjat tal-Bahá’í Faith u awtur ta’ diversi riċerki, studji u pubblikazzjonijiet.