Lokali

Muscat jippreferi jinħela fuq argumenti partiġġjani mill-futur ta’ wliedna

Għal darb’ oħra, Joseph Muscat falla fis-sostenibbiltà li tant jippriedka dwarha. Meta matul din il-ġimgħa kollha Muscat kellu l-opportunità li jwarrab l-partiġġjaniżmu u jiddikjara stat ta’ emerġenza tal-klima, dan ma għamlux. Prefera li b’negattività jmeri dak li eluf ta’ żgħażagħ jinsabu mħassbin fuqu filwaqt li jinjora din it-theddida li qegħda thedded dejjem aktar lill-pajjiżna u lill-bqija tad-dinja.

Dalgħodu ġewwa Marsaxlokk, Muscat beża milli jispjega lin-nies għala mhux lest li l-gvern jintrabat b’miżuri konkreti li b’serjetà jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Sabiex jipprova jgħatti xturu, żeffen fin-nofs l-emendi li qed iressaq il-Gvern għall-mozzjoni oriġinali tal-Oppożizzjoni li mkien ma jgħidu biċ-ċar li għandha tiġi ddikjarata emerġenza nazzjonali tal-klima.

In-nuqqas ta’ impenn tal-gvern f’dan il-qasam joħroġ fil-beraħ wkoll meta wieħed jinduna li dawn l-emendi imkien ma jgħidu x’inhuma l-miri tal-Gvern sal-2030 u sal-2050, kif qed jagħmlu diversi pajjiżi Ewropej. Il-Gvern Laburista qiegħed iqarraq meta joqgħod isemmi l-Att dwar il-Klima tal-2015, li din hija xi forma ta’ dikjarazzjoni ta’ emerġenza. Dan għaliex din il-liġi bl-ebda mod ma ssemmi li ġiet iddikjarata emerġenza dwar il-klima f’pajjiżna.

Tħares ‘il fejn tħares, tinduna li s-sostenibbiltà qatt ma kienet xi forte ta’ dan il-gvern. Filwaqt li fil-lat ekonomiku dan il-gvern m’għandux ħjiel ta’ sostenibbiltà għaliex l-uniku mezz ta’ kif se jżomm l-ekonomija għaddejja huwa billi jibqa’ jimporta ċ-cheap labour, dan in-nuqqas qiegħed joħroġ dejjem aktar fl-ambjent. Fl-ewwel okkażjoni li kellu Muscat naqas milli jwieġeb dawn il-mistoqsijiet dwar il-liġi tal-2015 li qed jikkwota:

  • Fejn eżattament fil-liġi tal-2015 issemmi kriżi jew emerġenza b’rabta mat-tibdil fil- klima?
  • Fejn eżattament f’din il-liġi hemm speċifikat l-persentaġġi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u sa liema data?
  • Fejn eżattament din il-liġi tispeċifika li l-persentaġġi tat-tnaqqis huma marbuta legalment?
  • Fejn eżattament din il-liġi tagħti vuċi lis-soċjetà ċivili sabiex tintervjeni f’forum Parlamentari dwar l-emerġenza tat-tibdil tal-klima?
  • Fejn eżattament din il-liġi torbot lill-Gvern li jnaqqas l-emissjonijiet tal-kubrit fil-Port il-Kbir, kif għamlu portijiet oħrajn fit-tramuntana tal-Ewropa?
  • Fejn il-liġi tal-2015 tgħid li għandu jkun hemm uffiċjal maħtur mill-Parlament li jgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat u li jkollu statura morali jitkellem u jkun isus fuq il-ksib tal- miri ambjentali?
  • Fejn din il-liġi tgħid li għandu jitwaqqaf Kumitat Parlamentari li xogħlu jkun biss li jiffoka fuq din il-kriżi eżistenzjali u jara, flimkien mas-soċjetà ċivili u l-esperti fejn ikun wasal kull sena fil-ksib tal-miri ambjentali msemmija?