Lokali

Numru ta’ childcare centers għadhom jistennew pagamenti dovuti mill-Gvern

Numru ta’ childcare centres madwar pajjiżna qed jaffaċċjaw sitwazzjoni prekarja, hekk kif għadhom ma rċievewx pagamenti dovuti lilhom mingħand il-Gvern.

NET News jinsab infurmat li b’din is-sitwazzjoni qed ibatu mhux biss is-sidien, iżda wkoll l-impjegati tagħhom għax uħud minn dawn iċ-ċentri għadhom ġodda u żgħar u allura, għadhom neqsin mill-cashflow biex ikunu jistgħu jaħdmu.

Uħud minn dawk li għamlu kuntatt magħna spjegaw kif saħansitra għadhom qed iħallsu pagamenti relatati ma’ self li għamlu mal-banek biex jinvestu fiċ-ċentru rispettiv. Dawk li tkellmu magħna saħansitra wissew li qed jitpoġġew f’sitwazzjoni kważi ta’ falliment.

Iżda ladarba l-aħħar pagament baqa’ ma wasalx, sidien taċ-ċentri għamlu kuntatt mal-Ministeri responsabbli, iżda baqgħu bla risposta. Aktar minhekk, jirriżulta li dawn qed jispiċċaw jintbagħtu mingħand Kajfa għal għand Pilatu.

Fil-fatt, huma spjegaw li, meta tkellmu ma’ Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, dawn qalulhom li mhix kwistjoni tagħhom. U meta tkellmu mad-Dipartiment tal-Finanzi, li hu responsabbli mit-tqassim tal-flus, kienu infurmati li l-flus mitluba kienu ngħaddew.

Din mhix l-ewwel darba fl-aħħar snin li l-pagamenti saru tard, iżda jidher li din id-darba l-pagamenti nieqsa qed jolqtu biss uħud miċ-ċentri. Fid-dawl ta’ dan kollu, jistona fuq kollox is-skiet, mhux biss mill-maġġoranza taċ-ċentri taċ-childcare, iżda wkoll mir-rappreżentanti taagħhom f’Malta.