Il-Gvern tar-Renju Unit qed jinsisti li jippersisti bl-isforzi biex il-ftehim dwar Brexit jgħaddi xorta waħda, minkejja l-aħħar disfatta għall-pjani tiegħu fil-House of Commons ta’ Londra.
Dan wara li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, kellu jitlob lill-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni li hi stabbilita għall-31 ta’ Ottubru. It-talba seħħet wara li d-deputati fil-Parlament Britanniku, waqt sessjoni rari għal nhar ta’ Sibt, appoġġjaw miżura li ttawwal l-approvazzjoni tal-ftehim dwar Brexit.
Madankollu, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, qal li hu fiduċjuż biżżejjed li d-deputati f’Londra għandhom jappoġġjaw il-ftehim fil-jiem li jmiss – ‘u li Brexit xorta waħda ikun konkluż sad-deadline’.
Kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) qalu li Boris Johnson bagħat ‘l-ittra tal-Parlament’ lil Brussell anki jekk hu ‘ma jara l-ebda raġuni għalfejn Brexit għandu jkun pospost għal data oħra’.
L-ittra ta’ Johnson, fil-fatt, ma kellhiex il-firma tiegħu u kienet akkumpanjata b’tieni ittra, din id-darba ffirmata, li tgħid li l-Prim Ministru jemmen li jkun żball jekk kemm-il darba l-proċess ta’ Brexit jaqa’ lura mid-data stabbilita.
Il-Gvern Britanniku ħalef li jinsisti bil-leġislazzjoni – il-Withdrawal Agreement Bill – bil-għan li jimplimenta l-ftehim għal Brexit fil-jiem li jmiss. Hemm ukoll il-potenzjal li jissejjaħ ‘vot sinifikanti’ mill-aktar fis u mhux eskluż li dan jittieħed ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’.
Il-Prim Ministru Johnson, li l-ġimgħa l-oħra laħaq ftehim dwar l-UE dwar Brexit, nhar is-Sibt kien qed jittama li d-deputati japprovaw dan il-ftehim fil-Parlament bħala pass deċiżiv il quddiem. Madankollu, id-deputati, minflok, ivvutaw favur emenda li żżomm lura l-approvazzjoni tal-ftehim sakemm tgħaddi l-leġislazzjoni kollha neċessasrja għall-implimentazzjoni tiegħu.
L-emenda kienet tressqet mid-deputat Konservattiv, Sir Oliver Letwin, bil-ħsieb li taċċerta li Boris Johnson jirrispetta t-termini tal-hekk-imsejjaħ Benn Act intiż biex jelimina kull possibbiltà ta’ Brexit mingħajr ftehim mal-UE sal-aħħar ta’ Ottubru.
Sadanittant, Dominic Raab qed jgħid li l-Gvern, ‘irrispettivament mill-manuvri tal-Parlament’ għandu ‘in-numri meħtieġa biex jgħaddi l-proċess ta’ Brexit f’waqtu’. Hu sostna li ‘ħafna nies fl-UE huma skomdi dwar dawmien ġdid għal Brexit’ waqt li ħeġġeġ lid-deputati f’Londra biex jgħaddu l-proċess mill-House of Commons u jħarsu ‘il quddiem.
Id-deputat kollega, Michael Gove – li bħala Kanċillier tad-Duchy of Lancaster hu inkarigat mill-ippjanar għal Brexit mingħajr ftehim mal-UE – akkuża lid-deputati li appoġġjaw l-emenda ta’ Letwin talli huma ‘ivvutaw bil-ħsieb speċifiku li jtellfu u jġebbdu l-proċess tat-tluq mill-Unjoni’.
//= $special ?>