Numru ta’ persuni minn grupp li jsejjaħ lilu nnifsu Mexit, il-Ħadd waranofsinhar inġabru quddiem il-monument tal-eks mexxej Laburista Dom Mintoff.
Huma wasslu diversi messaġġi fosthom kontra l-invażjoni tal-barranin bl-ajru u l-baħar kif ukoll għar-ripatrijazzjoni tal-immigranti llegali.
Qalu li dan qed iġib miegħu ħafna problemi bħal fuq saħħet il-Maltin u Għawdxin, żieda fit-traffiku, qerda tal-irħula lokali u żieda fil-kriminalità.
L-għażla tal-post għal din id-dimostrazzjoni kienet waħda simbolika hekk kif ħafna minn dawk li attendew qalulna li huma Soċjalisti li jemmnu li l-valuri u twemmin ta’ Dom Mintoff qed jiġi kkalpestat.
Fakkru kif Dom Mintoff bena akkomodazzjoni soċjali għall-Maltin waqt li llum qed nibnu toroq u skyscrapers għall-barranin.
F’diskorsi li saru, il-kelliema ffukaw fost l-oħrajn fuq dik li rreferew għaliha bħala invażjoni mill-Ewropa b’mod speċjali fid-dawl ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin importati lejn Malta fl-aħħar snin.
Fost dawk li attendew, Father David Muscat li kkwota kliem Joseph Muscat meta ddeskriva lil dawk preżenti bħala suldati tal-azzar u fissirhom bħala nies li ddeċidew li ma jibqgħux fil-katakombi.
Qal li bil-pulit, aġenziji tal-Gvern bħal JobsPlus qed iġibu eluf ta’ ħaddiema barranin lejn Malta, waqt li jisolħuhom eluf ta’ ewro kull wieħed u waħda minnhom. Dan b’riferenza għal dikjarazzjoni ta’ JobsPlus li għandna 10,000 ħaddiema barranin oħra fi żmien seba’.
Hu qal li waqt li għaddej dan kollu, il-poplu kuntent li l-awtoritajiet qed ituhom il-karawett waqt li s-sinjur jistagħna dejjem iktar. Fakkar kif b’paga minima ta’ ftit iktar minn €700, il-Maltin qas biss isibu jikru studio flat.
Din id-dimostrazzjoni saret fl-istess waqt li għaqda mhux governattiva, l-Alarm Phone talbet biex jidħlu 45 immigrant ieħor f’Malta.
Sigħat biss qabel, f’Malta daħlu wkoll 82 persuna oħra, salvati qrib Lampedusa. Bħal kull każ ieħor fl-aħħar xhur il-Gvern, il-Pulizija u l-Forzi Armati żammew fommhom magħluq dwar kull waħda minn dawn il-wasliet.
//= $special ?>