Internazzjonali

Miċħud vot ġdid dwar Brexit fil-Parlament Britanniku

Is-Speaker tal-House of Commons, John Bercow, irrifjuta t-talba tal-Gvern tar-Renju Unit biex isir vot ġdid, fil-Parlament, dwar il-ftehim dwar Brexit li l-Prim Ministru Boris Johnson laħaq, jiem ilu, mal-Unjoni Ewropea.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qabel, kien ħa l-inizjattiva biex id-deputati f’Londra jivvutaw mill-ġdid dwar il-ftehim. Dan wara li Boris Johnson kien imġiegħel jitlob id-dewmien ta’ Brexit wara li l-deputati żammew lura milli japprovaw il-ftehim, nhar is-Sibt.

Id-deċiżjoni ta’ Bercow  ma kenitx daqstant sorpriża, meta l-Ispeaker tal-Kamra, f’okkażjonijiet oħra kien irrifjuta li jsiru aktar minn votazzjoni waħda fuq l-istess suġġett fil-Parlament.

Fil-fatt, Bercow tenna li mozzjoni dwar il-ftehim għal Brexit kienet tressqet diġà lid-deputati, nhar is-Sibt, u li kull dibattitu ġdid dwarha kellu jkun ripetittiv minbarra li ostaklu għall-ordni tal-kamra.

Hu ikkwota mill-Erskine May, il-ktieb li jistabbilixxi r-regoli tal-Parlament, biex jissostanzja d-deċiżjoni tiegħu. Bercow kompla li ċ-ċirkustanzi madwar il-mozzjoni ma nbidlux u li d-deċiżjoni tiegħu kienet neċessarja biex jaċċerta li l-Parlament jagħmel l-aħjar użu mill-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu.

Wara l-laqgħa speċjali ta’ nhar is-Sibt għall-Parlament, Boris Johnson kien imġiegħel jibgħat ittra biex jitlob permess lill-Unjoni Ewropea biex id-data ta’ Brexit tkun estiża ‘il hinn mill-31 ta’ Ottubru. Madankollu Johnson ma ffirmax l-ittra inkwistjoni.

Il-Prim Ministru Johnson kien laħaq ftehim ġdid mal-Unjoni Ewropea matul il-ġimgħa li għaddiet iżda dan jeħtieġ li jkun approvat mill-Parlament f’Londra. Għaldaqstant, Johnson, fl-aħħar sigħat, kien għamilha ċara li ried li d-deputati fil-House of Commons  jistqarru biċ-ċar jekk ridux din l-approvazzjoni jew le.

Id-deputati f’Londra, għalissa, qegħdin iżommu lura l-approvazzjoni tal-ftehim li laħaq Johnson għal Brexit sakemm dan ikun iffirmat bħala liġi.