Futbol Sport

Arsenal megħluba minn Sheffield United

(Ritratt: EPA)

Arsenal tilfu tliet punti importanti li bihom kienu jitilgħu mal-ewwel erbgħa wara li barra minn darhom kienu megħluba minn Sheffield United 1-0. Arsenal batew biex joħolqu ħafna okkażjonijiet fl-attakk, anki jekk daħlu fit-tieni taqsima Dani Ceballos u Alexandre Lacazette.

Il-gowl deċiżiv wasal man-nofs siegħa logħob meta minn korner mix-xellug, Jack O’Connell ta daqqa ta’ ras għan-nofs b’Lys Mousset jiskorja minn ftit metri bogħod.

Wara l-logħba, il-manager ta’ Sheffield United Chris Wilder qal li kien kunfidenti li setgħu jiksbu xi ħaġa mill-konfront, speċjalment wara l-prestazzjoni li kellhom kontra Liverpool ftit ġimgħat ilu.

Din ir-rebħa kienet it-tieni waħda f’darhom għal Sheffield United f’dan l-istaġun u rebħu żewġ logħbiet konsekuttivi kontra Arsenal għall-ewwel darba minn Ottubru tal-1964. Arsenal b’dan ir-riżultat, tilfu erba’ mill-aħħar seba’ logħbiet kontra timijiet promossi barra minn darhom.