Futbol Sport

Fiorentina miżmuma minn Brescia

(Ritratt: EPA)

Is-sensiela ta’ tliet rebħiet konsekuttivi ta’ Fiorentina ntemmet fi Stadio Rigamonti meta kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls, minkejja okkażjonijiet fuq iż-żewġ naħat fl-ewwel taqsima. Għal Brescia dan kien punt wara żewġ telfiet konsekuttivi.

Federico Chiesa u Franck Ribery naqsu li jispikkaw għal Fiorentina, b’Mario Balotelli jidħol fit-tieni taqsima għal Brescia iżda ma kienx determinanti. Sfortunatament għat-tim ta’ Eugenio Corini weġġa’ Daniele Dessena li kellu joħroġ fuq stretcher.

Brescia kienu għoddhom marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti meta Sandro Tonali beda azzjoni mill-aqwa f’nofs il-grawnd u avvanza sal-kaxxa avversarja qabel qassam lejn Antonio Donnarumma li b’intelliġenza mix-xellug tefa’ kross lejn Florian Aye li skorja f’dak li hu ħaseb li kien l-ewwel gowl fis-Serie A. Iżda r-referee Gianpaolo Calvarese ħassar il-gowl permezz tal-VAR minħabba li l-ballun ħabat ma’ Tonali fil-bidu tal-azzjoni.

Fiorentina setgħu rebħu l-konfront lejn l-aħħar tas-seba’ minuti ħin miżjud meta Erick Pulgar tefa’ ballun tajjeb mil-lemin lejn il-midfielder Gaetano Castrovilli iżda x-xutt destinat għax-xibka spiċċa ħabat mas-sostitut Dusan Vlahovic.