Lokali

Gvern li tilef kull sens ta’ bilanċ – Adrian Delia

Budget li se jkompli jżid l-iżbilanċ istituzzjonali, soċjali u ambjentali

“Naħseb li jekk hawn xi ħaġa li jrid kulħadd huwa bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Bilanċ bejn min qed jaqla’ ħafna u min mhux ilaħħaq mal-ħajja. Bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u r-ruħ soċjali. Bilanċ li jħalli lilna lkoll ngħixu ħajja aħjar imma jibża’ wkoll għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Dan il-bilanċ illum huwa nieqes. Dan il-bilanċ ma jeżistix.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li fil-Parlament ta r-risposta tiegħu għall-budget.

Adrian Delia qal li filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi qal li pajjiżna qiegħed jaffaċja sfidi, huwa naqas milli jsemmi x’inhuma dawn l-isfidi u allura x’rimedju hemm għalihom. Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni mhux biss qed tiddentifika l-isfidi imma qegħda toħroġ ukoll bi proposti għall-ġid tal-poplu Malti: dokument li jisħaq fuq il-bżonn ta’ bilanċ u sostenibbiltà.

Adrian Delia semma l-faqar f’pajjizna li qiegħed jiżdied u kif il-Gvern qiegħed jonqos milli jinvesti bis-serjetà fl-edukazzjoni u l-edukaturi. Dawn huma fost tnejn mill-ħafna wegħdi li kiser il-Gvern Laburista. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għadda l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna. Pajjiż fejn kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, fejn jgħodd x’taf u mhux lil min taf, fejn kulħadd ihossu kburi li huwa Malti.