Mietu talanqas ħames persuni wara li gruppi tan-nies taw in-nar lil fabbrika tal-ħwejjeġ fil-belt kapitali ta’ Santiago fejn kienu għaddejjin l-irvellijiet — u meta l-aggressuri kienu involuti wkoll f’attentati ta’ serq mill-inħawi. Il-vittmi tellgħu għal seba’ l-ammont ta’ mejtin waqt l-aħħar jiem ta’ protesti vjolenti kontra l-għoli tal-ħajja li saru fil-kapitali u bliet ewlenin oħra taċ-Ċili.
L-iskwadri għall-emerġenzi sabu l-ħames katavri maħruqin fil-fabbrika proprja li tinsab ġo sobborg ta’ Santiago. Rapporti aktar qabel kienu rreferew għal tliet imwiet oħra waqt nirien, nhar is-Sibt, ġo supermarket f’inħawi differenti tal-kapitali.
Il-Ministru Ċilen għall-Intern, Andres Chadwick, ikkonferma l-aħħar imwiet ‘f’ inċidenti relatati mal-protesti’ mingħajr ma provda d-dettalji. Fl-istess ħin, hu wissa li l-pajjiż kien qed jiffaċċja eskalazzjoni serja tal-inkwiet ‘li għandu jaffettwa ħażin ħafna l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda miċ-ċittadini’
Intant, il-militar u l-pulizija Ċilena qegħdin jużaw il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma kontra d-dimostranti, bl-awtoritajiet f’diversi bliet qed jimponu curfew riġidu li jirrestrinġi l-movimenti tan-nies għal ħinijiet speċifiċi.
Dan waqt li stat ta’ emerġenza li qed ikun infurzat f’Santiago mistenni jkun estiż għal bliet oħrajn lejn it-Tramuntana u n-Nofsinar taċ-Ċili.
L-inkwiet li qed jinfirex madwar il-pajjiż beda minħabba l-għadab popolari dwar żida fin-nollijiet tal-metro – liema direttiva ġiet irtirata mill-ogħla awtorità fil-pajjiż. Madankollu, id-dimostrazzjonjiet komplew u qegħdin jirriflettu r-rabja tal-poplu dwar l-għoli tal-ħajja u sistemi ‘istituzzjonalizzati’ li qed ikattru l-ugwaljanza.
//= $special ?>