Lokali

Il-GWU titlob għal aktar sigurtà għall-ħaddiema tal-AWAS

Hekk kif diversi ħaddiema tal-Agency for the Welfare of Asylum Seekers (AWAS) kienu f’pożizzjoni ferm diffiċli matul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, il-General Workers’ Union (GWU) qed jitolbu lill-awtoritajiet konċernati biex jingħataw iktar sigurtà fuq xogħolhom.

Is-Segretarju tat-taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin saħaq li hemm bżonn li tissaħħaħ is-sigurtà u protezzjoni għal ħaddiema meta jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom.

Għada se ssir laqgħa mill-istess Unjoni mal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali biex titlob għal iktar sigurtà lil ħaddiema.

Dan hekk kif matul is-snin kien hemm diversi sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema kellhom jiffaċċjaw ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll tagħhom.

Jekk kollox jibqa’ kif inhu, Bondin saħaq li bħala Unjoni lesta li skont il-liġi tieħu l-miżuri meħtieġa biex tħares l-interessi tal-ħaddiema involuti. Il-GWU qed titlob biex l-awtoritajiet jikkumpensaw lill-ħaddiema għall-ħsarat li soffrew fil-vetturi tagħhom waqt l-irvellijiet.