Sport Sport Ieħor

Il-jott Artie III fuq quddiem tal-flotta Maltija … Rambler jaqbeż Lampedusa

(Ritratt: Rolex/Kurt Arrigo)

Jekk l-ewwel 24 siegħa tal-40 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race kienu frustranti għall-maġġoranza tal-flotta, is-sigħat li ġejjin se jkomplu jagħtu sfida iebsa. L-uniku jott li rnexxielu joħroġ minn nuqqas ta’ riħ kien il-maxi jott Amerikan Rambler li qabeż il-gżira ta’ Lampedusa, bil-bqija tal-flotta qed tipprepara għal-lejl ieħor kwiet bi ftit progress irreġistrat.

Il-jott ta’ Lee Satariano JV42 Artie III jkompli jmexxi l-flotta Maltija. B’ekwipaġġ ta’ esperjenza kbira fosthom Christian Ripard, il-jott jinsab 30 mil nawtiku bogħod mill-bqija tal-flotta Maltija. It-tbassir ta’ żieda fir-riħ fis-sigħat li ġejjin, għandhom jgħinu lil Artie III biex iżid il-veloċità, hekk kif kien fadal madwar 300 mil nawtiku biex itemm it-tellieqa.

Wara korrezzjoni tal-ħin bis-sistema tal-IRC, tliet jottijiet Maltin jinsabu mal-ewwel għaxra. Artie jinsab fis-sitt post, il-familja Podesta fuq il-jott Elusive 2 qegħdin fid-disa’ post, b’Xpresso ta’ Sean Borg jinsab warajhom.

Fil-klassi IRC 6, hemm battalja bejn iż-żewġ jottijiet identiċi ta’ Jarhead Young Sailors’ Foundation. Dawn huma J//109 – JYS Jarhead misjuq minn Andrea Azzopardi u l-kott JYS Jan misjuq minn Gabriella Mifsud.

Fost l-ekwipaġġ li huma magħmul minn nisa biss, hemm Nikki Henderson li kienet l-iżgħar captain li mexxiet tim fi Clipper Round the World Race. Mifsud qalet li huma kienu ilhom mill-bidu tat-tellieqa iżda x’ħin waslu qrib l-istrett ta’ Messina, Jarhead qabżuhom. “Mikejja dan, ma ċedejniex u ħriġna mill-istrett qabilhom. Id-distakk bejnietna hu ta’ anqas minn mil nawtiku, il-battalja tkompli!”

Fil-klassi IRC 4, Gregory Mifsud qed jikkompeti fuq il-jott ta’ Jonathan Gambin Ton Ton Laferla Insurance. Mifsud li hu ħu Gabriella, għad għandu 21 sena iżda ilu jikkompeti f’din it-tellieqa minn meta kellu 15-il sena, b’eċċezzjoni għal sena.