Il-Gvern ta’ koalizzjoni Lebaniż approva pakkett ta’ riformi ekonomiċi waqt li qed jipprova jrażżan l-akbar protesti popolari għal snin fil-pajjiż. Il-proposti jinvolvu t-tneħħija ta’ taxxi ġodda u miżuri biex jonqsu bin-nofs is-salarji tal-ogħla uffiċjali.
Dawn il-passi tal-Gvern saru meta n-nies issieħbu fil-ħames jum ta’ protesti fost is-sejħiet għal strajk ġenerali. Fl-aħħar jiem, mijiet ta’ eluf ta’ Lebaniżi minn kull denominazzjoni soċjali ħarġu fit-toroq biex jesprimu r-rabja dwar il-korruzzjoni u l-miżuri għall-awsterità min-naħa tal-amministrazzjoni.
L-ekonomija tal-Libanu, fil-preżent, għaddejja minn rata ta’ żvilupp baxxa minbarra li hi mifnija b’dejn għoli. Intant, it-taxxi ġodda proposti – u li spiċċaw imwarrba wara ftit – qajjmu rabja fost il-poplu li kważi kuljum qed ikollu jiffaċċja qtugħ fil-provvisti tad-dawl minbarra munzelli regolari ta’ skart mhux miġbur.
Fi tmiem il-ġimgħa, il-Prim Ministru tal-Libanu, Saad Hariri, kien ta lis-sieħba tal-koalizzjoni sa 72 siegħa ċans biex japprovaw ir-riformi ekonomiċi biex inaqqsu l-kriżi. Dan waqt li Hariri indika li ‘seta jirriżenja’ f’każ li s-sieħba kellhom ifallu fit-tragward.
//= $special ?>