Futbol

Liverpool isalvaw punt diffiċli f’Old Trafford

Manchester United u Liverpool spiċċaw fi draw, 1-1, fl-aktar logħba mistennija tal-programm li ntlagħbet quddiem 73,700 partitarju li pakkjaw kull rokna ta’ Old Trafford.
Intant, Liverpool – li daħlu għal din il-logħba bħala favoriti netti – fallew fit-tentattiv biex jirreġistraw it-18 il-rebħa konsekuttiva fl-ogħla kampjonat u jilħqu r-rekord li waqqfu Manchester City bejn Awwissu u Diċembru tal-2017.
Ir-Red Devils, li kienu diżappuntaw fl-aħħar konfronti tal-kampjonat, kellhom diversi plejers regolari neqsin bħal Paul Pogba, Luke Shaw u Nemanja Matic għalkemm irkupraw lid-difensur Wan-Bissaka, bil-gowlkiper, David de Gea, jieħu postu bħas-soltu bejn il-lasti ta’ United wara li kien weġġa fl-aħħar logħba internazzjonali ta’ Spanja. Intant, Liverpool niżlu għal din il-logħba mingħajr is-servizzi tal-attakkant prolifiku Mo Salah, b’Divock Origi jibda fl-attakk tar-Reds.
Il-logħob fl-ewwel taqsima kien maqsum, bl-ebda naħa ma thedded serjament lil-lasta avversarja, iżda kienu United li kisbu l-vantaġġ f’ċirkustanzi xi ftit diskutibbli.
Id-difensur tar-Red Devils rebaħ dwell għall-ballun ma’ Origi, b’Daniel James jaħrab u jqassam il-ballun għan-nofs fejn Marcus Rashford, bil-kalma, għeleb lill-gowlkiper Alisson. Intant, il-plejers ta’ Liverpool ipprotestaw għal dak li deher bħala fawl fuq Origi fl-azzjoni preċedenti iżda r-referi, Martin Atkinson, ikkonvalida l-vantaġġ ta’ United.
Minn dak il-ħin, United bdew jidħu aktar fil-logħba anki jekk, ftit qabel il-mistrieħ, Sadio Mane deher jegħleb lil de Gea wara konfront fil-kaxxa ma’ Lindelof, bir-referi – wara konsultazzjoni mal-VAR – iħassar il-‘gowl’ minħabba li l-attakkant Sengaliż kien ikkontrolla l-ballun b’idu waqt l-azzjoni.
Fit-tieni taqsima, Liverpool għamlu minn kollox biex jidħlu fil-logħba iżda – minkejja l-maġġoranza tal-pussess — kienu meqsin mis-soltu intensità u rari impenjaw lill-gowlkiper de Gea. Dan waqt li United bdew jibbażaw fuq il-kontra-attakki veloċi, b’Rashford u James jibqgħu ta’ theddida kontinwa għad-difiża tar-Reds.
Madankollu, ħames minuti mit-tmiem – u meta United kienu qed jikkontrollaw l-attakki disprati ta’ Liverpool mingħajr wisq affann – wasal id-draw, kiesaħ u biered għar-Reds.
Kien proprju mument ta’ diżattenzjoni fid-difiża li sewa żewġ punti lil United meta, minn cross ta’ Andy Robertson, Marcos Rojo ikkalkula ħażin l-azzjoni, bis-sostitut ta’ Liverpool Adam Lallana jiżgiċċa lil Young u jiżmarka ruħu biex isammar ġewwa mill-viċin.
Fl-aħħar ħinijiet, Liverpool waslu anki viċin il-gowl tar-rebħa meta x-xutt fil-baxx ta’ Oxlade-Chamberlain għadda ftit ‘il hinn mill-wieqfa.
Ir-riżultat finali jfisser li l-vantaġġ ta’ Liverpool f’ras il-klassifika tal-Premier issa naqas għal sitt punti ( fuq Manchester City) waqt li Man Utd jistgħu jagħmlu l-qalb minn wirja ferm sodisfaċenti fejn il-plejers baqgħu juru karattru u spirtu kumbattiv sal-aħħar.