Sport Sport Ieħor

Malta tilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Armenja din il-ġimgħa

Il-kowċ nazzjonali Vic Hermans sejjaħ skwadra ta’ 14-il plejer għal żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Armenja l-Ħamis u l-Ġimgħa. Il-logħbiet jintlagħbu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke, biż-żewġ logħbiet jibdew fit-8.00pm.

L-iskwadra hi magħmula minn plejers tal-erba’ timijiet li jilagħbu fil-Kampjonat Elite, b’ħames plejers ta’ Luxol, erba’ plejers ta’ Valletta, tliet plejers ta’ Swieqi United u żewġ plejers tal-Università ta’ Malta. It-tim Malti lagħab l-aħħar kontra l-Armenja fi Frar li għadda, bl-Armeni joħorġu rebbieħa 3-1 f’logħba li ntlagħbet fl-Iżvezja bħala parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

Minn dak it-tim, Hermans bidel l-iskwadra hekk kif sejjaħ lill-gowlkiper Brandon Debono u Kurt Bartolo ta’ Valletta, Carl Azzopardi u Aidan Micallef ta’ Luxol kif ukoll lil Aaron Montebello, Armando Gjepali u Firas Aboulezz ta’ Swieqi United, b’tal-aħħar mistenni jilgħab mat-tim nazzjonali wara li erba’ snin ilu kien għamel id-debutt mat-tim nazzjonali tal-futbol.

Skwadra Maltija

Gowlkipers: Brandon Debono (Valletta), Clint Mifsud (Luxol)

Difensuri: Carl Azzopardi (Luxol), Jovica Milijic (Valletta), Giancarlo Sammut (Luxol), Karl Sciortino (Università ta’ Malta)

Wingers: Firas Aboulezz (Swieqi United), Kurt Bartolo (Valletta), Andrè Ciancio (Valletta), Mark Zammit (Luxol)

Attakkanti: Neil Cauchi (Università ta’ Malta), Armando Gjepali (Swieqi United), Aidan Micallef (Luxol), Aaron Montebello (Swieqi United)