Futbol

Milan miżmuma minn Lecce

Fid-debutt ta’ Pioli fuq il-bank ta’ Milan, ir-Rossoneri kellhom jikkuntentaw biss bi draw f’San Siro kontra Lecce. Milan kienu ferm tajba fl-ewwel taqsima u daħlu jistrieħu meritatament fil-vantaġġ b’gowl ta’ Calhanoglu.
Fit-tieni taqsima Lecce daħlu iktar fil-logħba u kisbu l-gowl tad-draw fit-52 minuta meta Donnarumma salva l-penalty mogħti minn Babacar, iżda l-istess Babacar skorja mir-rebound.
Disa’ minuti mit-tmiem Milan reġgħu marru fil-vantaġġ g’gowl ta’ Piatek iżda fit-92 minuta Lecce salvaw il-logħba b’xutt bomba ta’ Calderoni.
It-tim l-ieħor ta’ Milan, Inter żamm il-pass ma’ Juventus b’rebħa ta’ 4-3 kontra Sassuolo.
Kien Martinez li fetaħ l-iskor għal Inter wara żewġ minuti iżda Berardi kiseb id-draw fis-16-il minuta.
Lejn tmiem it-taqsima Lukaku skorja doppjetta wieħed minnhom minn penalty biex Inter daħlu jistrieħu b’żewġ gowls vantaġġ.
Fil-71 minuta Inter kabbru l-iskor grazzi għal penalty ieħor din id-darba skorjat minn Martinez u Inter dehru li għalqu l-logħba.
Iżda Sassuolo kellhom ideat oħra u skorjaw darbtejn permezz ta’ Djuricic u Boga iżda ma rnexxielhomx isalvaw ir-riżultat.
Cagliari komplew bis-serje pożittiva tagħhom b’rebħa ta’ 2-0 fuq SPAL, b’gowl ta’ Nainggolan fl-ewwel taqsima u ieħor ta’ Farago fis-67 minuta.
Parma kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata meta għelbu lil Genoa 5-1, u issa Genoa jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar fuq il-ġirien Sampdoria.
Għal Parma tliet gowls ta’ Cornelius u oħrajn ta’ Kucka u Kulusevski.
Għal Genoa gowl ta’ konsolazzjoni ta’ Pinamonti.
Fil-logħbiet l-oħra Udinese għelbu lil Torino 1-0 b’gowl ta’ Okaka fit-42 minuta, filwaqt li Sampdoria u Roma spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls fid-debutt ta’ Ranieri fuq il-bank ta’ Sampdoria.
Roma spiċċaw il-logħba b’għaxar plejers meta tkeċċa Kluivert.