Andy Murray rebaħ l-ewwel titlu ATP wara sentejn u nofs meta għeleb lil Stanislav Wawrinka fil-finali tal-Open tal-Ewropa li ntlagħbet f’Antwerp. L-eks numru wieħed tad-dinja ssielet minn set u logħba minn taħt biex rebaħ 3-6, 6-4, 6-4. Din kienet l-ewwel finali bejn it-tnejn fi 11-il sena. Wawrinka li għandu 34 sena, deher fi triqtu għar-rebħa meta wara li kiseb l-ewwel set, kiseb break doppju fit-tieni set.
Iżda l-Iskoċċiż ta’ 32 sena li għamel operazzjoni li salvatlu l-karriera f’Jannar li għadda, wera li l-kundizzjoni fiżika tiegħu tinsab tajba u rkupra biex kiseb is-46 titlu fil-karriera. Il-mument kruċjali tal-logħba wasal fl-aħħar set meta Murray salva break points importanti meta kienu 4-4 biex ħa vantaġġ meta Wawrinka kellu s-service u għalaq il-konfront meta l-Iżvizzeru xeħet barra b’forehand.
Wara l-logħba, Murray tenna l-kuntentizza li lagħab kontra Wawrinka f’logħba finali bħal dik u qal li qatt ma stenna li se jkun f’din il-pożizzjoni. L-aħħar titlu ta’ Murray wasal f’Dubai f’Marzu tal-2017 meta kien għadu fil-quċċata tar-rankings tad-dinja.
//= $special ?>