Sport Sport Ieħor

Selby jirbaħ l-Open tal-Ingilterra għall-ewwel darba

Mark Selby iddomina l-finali tal-Open tal-Ingilterra biex għeleb lil David Gilbert 9-1. Selby tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal din ir-rebħa hekk kif kien ilu madwar sena ma jirbaħ tournament.

Selby ħa l-kontroll tal-finali mill-bidu hekk kif rebaħ l-ewwel ħames frames fi Crawley bi breaks ta’ 88, 69, 79 u 85, b’Gilbert jirbaħ is-sitt frame bi break ta’ 101. It-tliet darbiet champion tad-dinja wieġeb bi break mill-aqwa ta’ 130 u rebaħ ukoll l-aħħar frame tas-sessjoni bi break ta’ 97.

B’vantaġġ ta’ 7-1 fl-intervall, dejjem kien diffiċli għal Gilbert biex jirkupra, b’Selby jagħlaq il-konfront bl-aktar mod veloċi. L-Ingliż ta’ 36 sena wieġeb għal break ta’ 51 minn Gilbert biex rebaħ frame missielet. Hu aċċerta mir-rebħa b’century break ieħor biex b’hekk rebaħ l-Open tal-Ingilterra għall-ewwel darba.