L-awtoritajiet Slovakki akkużaw erba’ persuni b’konnessjoni mal-qtil, fi Frar tal-2018, tal-ġurnalista investigattiv Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu. L-omiċidju doppju kien seħħ fid-dar tal-koppja, fil-limiti ta’ Bratislava u l-każ qanqal protesti kbar kontra l-korruzzjoni fl-ogħla livelli tat-Tmexxija waqt li kkaġuna r-riżenja ta’ Robert Fico minn Prim Ministru.
Kelliema għall-Prosekuturi tal-Istat qalu, fi stqarrija, li s-sitt akkużi li tressqu dwar il-qtil ta’ Kuciak u Martina Kusnirova kienu jinkludu waħda dwar omiċidju premeditat.
Is-suspettat ewlieni hu Marian Kocner, imprenditur li għandu l-konnessjonijiet politiċi u li kien ‘suġġett ewlieni’ fir-rappurtaġġ ta’ Kuciak dwar il-korruzzjoni u ‘is-sistema tal-ħbieb tal-ħbieb’ li teżisti fis-Slovakkja. Il-prosekuturi, intant, jissuspettaw li Kocner kien ‘ħareġ kuntratt’ għall-qtil ta’ Jan Kuciak, bl-avukat li qed jirrappreżenta lill-imprenditur jiċħad li dan hu minnu.
L-omiċidju ta’ Jan Kuciak u Martina Kusnirova kien heżżeż għal żmien lis-sistema politika tas-Slovakkja fejn sa 70,000 ruħ kienu ssieħbu f’dimostrazzjoni waħda partikulari biex jesprimu għadab u stmerrija għar-reat. Ir-riżenja ta’ Fico, politiku tax-xellug, dehret bħala xi ħaġa ‘inevitabbli’ quddiem dik il-mewġa ta’ rabja popolari.
Il-koalizzjoni ta’ tliet partiti li ħalla warajh Fico għadha tamministra l-pajjiż taħt it-tmexxija ta’ Peter Pellegrini. Iżda r-rabja pubblika żbruffat mill-ġdid, bid-dettalji ġodda li ħarġu mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Kuciak jindikaw l-influwenza ta’ Kocner fuq l-entitajiet tal-Istat.
Tlieta mis-suspettati akkużati, fosthom Marian Kocner, qed jinsistu li mhumiex ħatja, filwaqt li r-raba’ akkużat ammetta dwar l-isparatura li qatlet lil Kuciak u bil-ħames akkużat jammetti li kien ‘iffaċilita’ l-omiċidju.
//= $special ?>