Lokali

WARA LEJL TA’ TKISSIR: Jieħdu f’idejhom l-Open Centre

Ħames vetturi maħruqa, lejl sħiħ ta’ tkissir, kaos fl-Open Centre ta’ Ħal Far bl-uffiċjali ma jitħallewx jidħlu jagħmlu xogħolhom. Sa dalgħodu, l-immigranti kienu ħadu f’idejhom iċ-Ċentru.

Hija din is-sitwazzjoni li żviluppat matul il-lejl, b’Net News ikun l-ewwel illi jiżvela dak li kien għaddej f’Ħal Far. B’kollox l-immigranti taw in-nar lil ħames vetturi, weġġgħu numru ta’ Pulizija, u issa ħadu l-kontroll taz-zona kollha.

Il-protesti bdew għall-ħabta tal-10pm u baqgħu għaddejin tul il-lejl kollu.

Partijiet taċ-Ċentru kienu għadhom qed jaqbdu sa dalgħodu. Dan apparti li kien hemm kmamar li ukoll ingħataw in-nar.

Preżentament, iċ-ċentri kollha li jospitaw l-immigranti f’pajjiżna jinsabu taħt pressjoni enormi. Dan hekk kif minn Jannar ‘l hawn waslu f’pajjiżna ‘l fuq minn 2,100 immigrant.

Talbiet ripetuti minn Net News sabiex il-Gvern jagħti informazzjoni dwar kemm hawn immigranti fiċ-Ċentri Magħluqa u kemm qed jospitaw l-Open Centres baqgħu injorati. It-talba lill-Ministeru tal-Intern saret skont in-nomri tal-Freedom of Information Act, iżda l-Gvern baqa’ jaħbi dawn iċ-ċifri.