Lokali Qorti

Jitressqu 80 immigrant: jammettu 16 u jmorru sitt ġimgħat ħabs u l-bqija ma jammettux u jinżammu arrestati

Kienu 80 immigrant li tressqu l-Qorti b’rabta mal-irvellijiet u l-istraġi li wettqu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far bejn nhar il-Ħadd u nhar it-Tnejn li għadda. Sittax-il immigrant ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom filwaqt li 64 wieġbu li ma kienux ħatja u nżammu arrestati, anke jekk għamlu talba għal libertà proviżorja, liema talba kienet miċħuda.

Sa minn kmieni filgħodu bdiet tiġri l-aħbar fil-Qorti li kien se jitressqu mal-100 immigrant. Din iċ-ċifra għandha tintlaħaq peress li l-Erbgħa għandhom jitressqu grupp ieħor ta’ mmigranti. Kien għall-ħabta tal-10.30am. li numru kbir ta’ Pulizija bdew jiskjeraw ruħhom barra l-bini tal-Qorti jistennew lill-immigranti jaslu bit-trasport tal-Korp u għall-ħabta ta’ nofsinhar bdew jaslu l-immigranti mmanettjati.

Dawn tressqu fi tliet gruppi u peress li kienu numru kbir il-proċess ħa fit-tul u bdew jitressqu fl-awla l-kbira fejn isiru l-ġurijiet. L-aħħar grupp li tressaq kienu tmienja fejn skont il-Pulizija kienu l-prinċipjanti tal-każ. Dawn issejjħu fil-Qorti bħala ir-‘ringleaders’ li wasslu għall-istraġi f’Ħal Far.

Minkejja t-talba li għamlu għal libertà proviżorja din kienet miċħuda, kif kienet miċħuda fil-każi kollha u dan minħabba n-natura serja tal-każ u peress li huma m’għandhomx rabta ma’ Malta u għalhekk teżisti l-biża li jistgħu jaħarbu.

It-tmien immigranti akkużati bħala ‘ringleaders’ kienu Al Hassin Issa Al Amin, ta’ 21 sena miċ-Chad, Zakria Mohammed ta’ 19-il sena mir-Repubblika Ċentrali Afrikana, Yusef Mutasin ta’ 23 sena, Ibrahim Ali ta’ 20 sena, Hammad Abubaida ta’ 22 u Ibrahim Bahar ta’ 25 sena, ilkoll mis-Sudan, Oboke Cletus Chikadibia ta’ 20 sena minn Niġeria u żagħżugħ ta’ 16-il sena iċ-Chad ġew mixlijin li wettqu atti ta’ vjolenza waqt l-irvellijiet.

L-Ispettur Anzjan Melvyn Camilleri akkużahom li bi vjolenza irreżistew lill-Pulizija, li ferew ħafif uffiżjal, li għamlu parti minn grupp li l-għand tagħhom kien li qajjmu l-inkwiet, li pparteċipaw f’numru llegali, li ma tbiegħdux minn xulxin meta ngħataw l-ordni u li ftehmu flimkien biex iwettqu reat li huwa punibbli bil-ħabs.

Ġew mixlijin li taw in-nar, li wettqu ħsara volontarja, li ddisturbaw in-nies waqt il-ħin tal-lejl, li kisru l-paċi pubblika, li heddew numru ta’ uffiċjali pubbliċi, li waddbu l-ġebel u oġġetti iebsa. Ordni ta’ protezzjoni ntalbet favur it-tliet uffiċjali tal-Pulizija.

Madwar 300 immigrant, kienu arrestati nhar it-Tnejn filgħodu wara l-irvellijiet fejn karozza tal-Pulizija u tliet karozzi oħra ta’ ħaddiema taċ-Ċentru Miftuħ ukoll ingħataw in-nar, filwaqt li kien hemm membru tal-Korp tal-Pulizija li sofra minn ġrieħi ħfief.

L-ewwel ma tressqu kienu żewġ żgħażagħ ta’ 17-il sena kien fost tliet immigranti li bdew xi forma ta’ nkwiet ma’ uffiċjal tas-sigurtà u li allegatament qajjem kaos kmieni t-Tnejn filgħodu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Iż-żgħazagħ huma mis-Sudan u n-Niġerija u li isimhom ma jistax jixxandar minħabba li għadhom taħt l-età. L-akkużat l-ieħor huwa miċ-Chad u li jismu Abdalla Muhammed Abdalla.

Dawn it-tlieta ġew mixlijin li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-10.00 pm. heddew u darbu ħafif żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, lis-Surġent Noel Said u lill-Kuntistabbli Pierre Farrugia u li ferew ħafif mara, Charlotte Casha li taħdem fiċ-Ċentru u li hija ħaddiema li tagħti l-appoġġ lill-immigranti (‘support worker’).

L-argument skont il-Prosekuzzjoni beda peress li t-tliet immigranti ma tħallewx jidħlu fil-villaġġ miftuħ minħabba li kienu fis-sakra u wara ippareċipaw fl-irvellijiet meta s-sitwazzjoni eskalat tant li numru ta’ karozzi u l-uffiċċju tal-villaġġ ingħataw in-nar

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke kienet infurmata li l-akkużati waslu Malta ftit tal-ġimgħat ilu. Minbarra dawn it-tlieta fil-Qorti bdew jinġiebu għexieren ta’ immigranti oħra, mal-mija, u li dawn komplew jinġiebu bit-trasport tal-Pulizija.

It-tliet akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi li kienu jinkludu wkoll li kienu fis-sakra f’post pubbliku, li ma obdew l-ordnijiet tal-Pulizija, li kisru l-paċi pubblika, li attakkaw u rreżistew lill-Pulizija bi vjolenza, li qalu kliem oxxen fil-pubbliku u li kkaġunaw biża jew influenzaw persuni li jieħdu ħsiebhom bħala parti mid-dmirijiet tagħhom.

It-talba għal libertà proviżorja li huma għamlu kient miċħuda mill-Qorti u dan anke wara li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-fatt li l-akkużati ma għandhomx indirizz fiss ħlief dak taċ-ċentru miftuħ. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.

L-Ispettur Melvyn Camilleri, mexxa l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Roderick Attard, Eman Hayman u Oriana Spiteri filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace deher għat-tliet irġiel.

L-immigranti l-oħra, li tressqu fi gruppi ġew mixlijin b’akkużi simili għat-tlieta l-oħra, iżda b’akkużi ftit anqas gravi. L-awla fejn tressqu l-immigranti kienu mimlija daqs bajda fejn dawn qegħdin jitressqu fi gruppi. Huma tpoġġew fejn is-soltu l-pubbliku jkun preżenti biex isegwi xi ġuri.

Wara tressaq it-tieni grupp ta’ immigranti li kienu jikkonsistu f’20 persuna u li ġew mixlijin b’żewġ akkużi, dik li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi tal-awtoritajiet u li b’mod volontarju kisru l-paċi pubblika.

Fost dawk li tressqu kien hemm tifel ta’ 14-il sena minn Darfur fis-Sudan li huwa l-iżgħar minn fost l-akkużati kollha li huma kollha rġiel. Dan il-grupp ta’ immigranti ġejjin mill-Eritrea, Somalja, Senegal, Sudan, Guinea, Gambja, Chad, Libja u Niġerja.

Aktar tard il-Maġistrat Clarke daħlet fis-sigriera u ftit wara ħarġet fl-awla biex tkompli tisma’ aktar każijiet. Grupp ieħor ta’ 24 kollha mis-Sudan tressaq quddiema bi tnejn minnhom jammettu

Dan il-grupp ukoll iffaċċa żewġ akkużi – li ma obdewx l-ordnijiet u li kissru l-paċi pubblika u l-oħrajn ma jingħatawx il-libertà proviżorja. Sadanittant il-Qorti rrimarkat ukoll li dawn l-immigranti li huma taħt l-età għandhom ikunu miżmuma fil-faċilitajiet adattati għalihom

Grupp ieħor ta’ 25 immigrant li l-età tagħhom tvarja bejn is-17 u l-40 sena kollha wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom u kollha baqgħu wkoll miżmuma taħt arrest preventiv minkejja li saret it-talba għal libertà proviżorja.

L-aħħar grupp kien ta’ tmien immigranti u li dawn tressqu fl-awla numru 10 u mhux fl-awla tal-ġurijiet. L-Erbgħa mistennija jitressqu aktar immigranti dwar l-istess reati.







Q

Ikkummenta