Budget 2020 Lokali

Adrian Delia jtenni: Il-Gvern m’għandux ruħ soċjali

Dan il-Gvern m’għandux ruħ soċjali għax meta l-Partit Nazzjonalista wera li fl-aħħar sitt snin żdiedu l-anzjani fir-riskju tal-faqar, hu baqa’ jipprova jserraħ il-kuxjenza billi jgħid li qed iżid il-pensjonijiet. U dan minkejja li statistika wara l-oħra qed turi li wieħed minn kull erbgħa anzjani jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien il-mistieden tal-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103. Adrian Delia qal li mhux xieraq li l-Gvern mhux jirrikonoxxi li għandna problema f’setturi importanti – bħas-Saħħa u l-Edukazzjoni – iżda li mhux kapaċi jsolvi.

Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien propożittiv, fejn pereżempju fil-qasam tal-Edukazzjoni, kellu l-kultura li jiftaħ skola ġdida kull sena. Iżda fl-aħħar snin, taħt Gvern Laburista, ix-xogħol fuq l-iskejjel ġodda tista’ tgħid li waqaf għalkollox.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu importanti li l-pajjiż jibda jeduka u jagħti l-għodod minn isfel għal fuq, ħalli l-ġid ikun jista’ jitqassam aktar fost il-faxex kollha tas-soċjetà. Tenna l-ħtieġa ta’ aktar investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, speċjalment bl-Edukazzjoni, ħalli għada, anke huma jkunu kapaċi joħolqu l-ġid.

Mistoqsi dwar l-Ambjent u t-Traffiku, Adrian Delia qal li dwar dawn is-suġġetti – li huma relatati – il-Partit Nazzjonalista għandu soluzzjonijiet short, medium u long term … fosthom li jinħolqu networks ġodda li jkopru lill-pajjiż kollu u mhux proġetti li jolqtu biss żona waħda.

Dan meta l-Gvern preżenti qed iwessa’ toroq, iżda s-sewwieqa xorta jispiċċaw f’lembut ladarba tkun tinqabeż it-triq li twessgħet.

Sadanittant, fil-bidu tal-programm, il-preżentattriċi nnutat b’diżappunt kif il-ġimgħa li għaddiet kellu jkollha lill-Ministru Edward Scicluna bħala mistieden fil-programm… iżda dan ħassar l-appuntament ħabta u saħbta, u harab milli jiffacja id-domandi.