Internazzjonali

Brexit: Lejn żewġ voti kruċjali oħra fil-House of Commons

Il-Gvern tar-Renju Unit għandu jwarrab l-abbozz ta’ Brexit f’każ li d-deputati f’Londra, il-lejla, jivvutaw kontra l-programm intiż biex l-abbozz jgħaddi mill-House of Commons.

Il-programm hu bbażat fuq tlett ijiem u s-sorsi qrib il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson qalu li l-Gvern għandu jwitti t-triq għal elezzjoni ġenerali f’każ l-Parlament jiċħad għall-programm waqt li l-Unjoni Ewropea tikkonferma li l-proċess ta’ Brexit għandu jsir wara l-31 ta’ Ottubru. Is-sorsi anki għamluha ċara li mhumiex beħsiebhom jitilfu aktar xhur ta’ diskors mal-Parlament attwali f’Londra.

Iż-żmien qed jagħfas biex ir-Renju Unit itemm l-isħubija fl-Unjoni Ewropea sal-aħħar tax-xahar u meta l-Prim Ministru Johnson qed iħejji għall-voti kruċjali fil-House of Commons fost it-tamiet li jgħaddi l-leġislazzjoni biex jixpruna l-ftehim għal Brexit li laħaq jiem ilu mal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Il-voti tal-lejla qed isiru wara li Johnson spiċċa sfurzat biex jitlob lill-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-data tat-tluq tar-Renju Unit.

L-ewwel vot tal-lejla f’Londra jittratta l-abbozz magħruf bħala l-Withdrawal Agreement Bill, bit-tieni vot jirrigwarda l-programm tal-Gvern u ż-żmien għad-dispożizzjoni tiegħu biex japprova l-leġislazzjoni.

Min-naħa tiegħu, Boris Johnson għamilha ċara li la l-poplu Britanniku u lanqas il-Mexxejja tal-Ewropa ma jridu aktar dawmien għall-proċess ta’ Brexit. Disfatta għal Johnson fi kwalunkwe vot tal-lejla tħalli impatt serju għall-pjani tiegħu biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni bi ftehim jew mingħajru sal-31 ta’ Ottubru.

Anki f’każ li l-voti jkunu favorevoli għal Johnson, l-avversarji tiegħu fil-Parlament għandhom ikollhom opportunità oħra biex, ‘il quddiem, iressqu emendi li jostakolaw il-pjan tal-Prim Ministru. F’sitwazzjoni bħal din l-avversarji ta’ Johnson fil-House of Commons jistgħu jinsistu biex ir-Renju Unit ikollu relazzjoni ħafna eqreb mal-Unjoni Ewropea wara Brexit.

Is-sorsi qrib il-Prim Ministru Johnson jistennew li tiżdied il-probabbiltà ta’ no-deal Brexit f’każ li l-membri tal-Parlament jivvutaw kontra l-iskeda leġislattiva. Dan waqt li l-kontroll tas-sitwazzjoni, fiċ-ċirkustanzi, għandu jgħaddi f’idejn l-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li qed jiddiskuti t-talba għad-dawmien ta’ Brexit mal-mexxejja tas-27 Stati membri tal-Unjoni Ewropea – b’deċiżjoni mistennija tittieħed fil-jiem li ġejjin.