Lokali

BUDGET 2020: Mhux kulħadd “se jikber” indaqs

It-tema tal-budget 2020 hija “Inkomplu nikbru flimkien”. U fil-budget ta’ ġimgħa ilu, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar żieda ta’ €3.49 għall-ħaddiema Maltin.

Imma jidher li mhux kulhadd se jikber bl-istess rata, u li din mhux żieda li se jeħodha kulħadd.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Net News staqsa lill-Ministru Ian Borg kif dan il-Gvern li jgħid li jrid tqassim ġust tal-ġid, ta żieda ta’ €3.49 lill-ħaddiema. Imma mhux il-ħaddiema kollha se jkunu qed jieħu din iż-żieda.

Fakkarna lill-Ministru li ċertu ħaddiem taċ-ċivil bl-isem ta’ Kurt Farrugia, mhux se jkum qed jieħu €3.49 imma €3,461 fil-ġimgħa.

Il-Ministru Laburista Ian Borg ipprova jiġġustifika l-paga ta’ Kurt Farrugia billi qal li fl-ewwel sentjen mhux se jkollu €180,000. Filfatt il-Ministru hawnhekk kellu raġun, għax Kurt Farrugia s-sena d-dieħla mhux se jkun qed jaqla €180,000 imma €130,000, jew €2,500 fil-ġimgħa. Biex imbagħad sa 3 snin oħra jitla għal €180,000 jew €500 KULJUM

Imma meta komplejna nistaqsu lill-Ministru kif jista jibqa’ jiġġustfika l-paga ta’ Kurt Farrugia meta l-poplu ingħata €3.49,  Ian Borg reġa intefa jkanta d-diska antika tal-€500 onorarja. Li ma qalx il-Ministru hu li Kurt Farrugia, €500 se jkun qed jaqlagħhom f’ġurnata.

“Inkomplu nikbru flimkien” – imma żgur li jikber ħafna min qed jibla’ b’aktar minn ħalq wieħed €165,000. Jiġifieri l-eks CEO tal-Lejber, James Piscopo li qed jaqla’ €3,170 fil-ġimgħa għal żewġ jobs li ingħata.

Realtà totalment differenti iżda, minn dik tal-middle class li dan il-budget reġa ħalla l-art. Ħaddiema f’oqsma fundamentali, bħal dawk fl-edukazzjoni, fejn l-għalliema u l-LSEs mhux talli intesew għall-kollox, talli l-Ministru responsabbli ġab l-iskuża li dawn qed jitħallsu daqs dawk Ewropej.

Imma għal Ian Borg u għall-Gvern ta’ Muscat huwa perfettament ġust li ħaddiem wieħed taċ-ċivil jaqla’ l-paga ta’ 9 għalliema f’daqqa, filwaqt li l-ħaddiema l-oħra jieħdu €3.49. 

L-importanti li nkomplu nikbru flimkien.