Internazzjonali

Elezzjoni fil-Kanada: Trudeau inaqqas l-appoġġ iżda jibqa’ jmexxi

Il-Prim Ministru Kanadiż flimkien ma' martu waqt CHOGM 2015 li tlaqqa' f'Malta

Skont l-ewwel indikazzjonijiet maħruġa mill-istazzjon nazzjonali Kanadiż CBC, il-partit Liberali tal-Prim Ministru Justin Trudeau rebaħ l-elezzjoni iżda b’appoġġ imnaqqas ferm tant li se jkun qed jifforma Gvern ta’ minoranza.

L-elezzjoni ġenerali fil-Kanada kienet qed titqies bħala referendum fuq it-tmexxija ta’ Trudeau li kienet imtappna b’numru ta’ skandli bil-Partit Liberali jkun ras imb’ras mal-Partit Konservattiv fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.

In-numru ta’ siġġijiet li se jkun kiseb kull partit għad mhux magħruf bl-eżatt iżda li hu żgur hu li bl-appoġġ imnaqqas, Justin Trudeau se jkollu jfittex l-appoġġ tal-partiti ż-żgħar biex ikun jista’ jgħaddi leġislazzjoni.

Trudeau kien elett fl-2015 b’aġenda progressiva, iżda fl-aħħar xhur kien fiċ-ċentru ta’ kritika, kemm għaliex ma wettaqx dak li wiegħed kif ukoll minħabba allegat involviment f’numru ta’ skandli.

L-iktar wieħed serju kien dak ta’ kunflitt ta’ interess fejn kien akkużat li pprova jinfluwenza eks-ministru waqt proċeduri kriminali kontra kumpanija tal-inġinerija.

Barraminhekk, l-immaġini ta’ Trudeau bħala politiku liberali u inklussiv ħadet daqqa ta’ ħarta meta feġġew ritratt tal-President b’wiċċu miżbugħ iswed waqt parties meta kien għadu żagħżugħ.