Lokali

FL-ITALJA: Arrestat raġel li kien jissuplixxi l-IPTV lil Malta

Il-Pulizija fl-Italja arrestat lil Franco Maccarelli, akkużat li kien qed imexxi imperu li jissuplixxi l-IPTV lil mijiet ta’ eluf ta’ persuni madwar l-Ewropa, b’mod speċjali fl-Italja, l-Olanda u Malta.

Skont l-akkuża, Maccarelli ħoloq bażi loġistika biex permezz tagħha kien joffri diversi stazzjonijiet għall-prezz ta’ €12. Fost l-oħrajn kien joffri li wieħed jara logħob tas-Serie A, Champions League u Europa League kif ukoll films u serje tat-televiżjoni fost oħrajn. Dan billi kien joffri s-servizzi ta’ Sky, DAZN u Netflix, li jiswew ferm iktar minn dak li kien jitlob Maccarelli.

Grazzi għal din is-sistemà, Maccarelli kien qed jirċievi kwantità enormi ta’ flus minkejja li kien jiddikjara li ma jaħdimx. Filfatt jirriżulta li Maccarelli akkwista xejn inqas minn €6.5 miljun fis-sena mill-ħidma llegali tiegħu.

Deskritt bħala ġenju tat-teknoloġija, Maccarelli jidher li ġibed l-attenzjoni anke tal-mafja, bil-Kamorra li jidher li riedet tisfrutta s-servizzi tiegħu biex takkwista l-flus. Saħansitra kien hemm każi fejn irċieva theddid mill-grupp mafjuż Lo Russo.

Fost l-oħrajn sar magħruf li l-Pulizija fl-Italja kienet qed issegwi mill-qrib lil Maccarelli anke waqt vjaġġi ripetuti lejn Malta, fejn jidher li kien qed jiġi ta’ spiss biex jistalla u jimmaniġġja dawn is-servizzi llegali lil diversi klijenti Maltin.

Maccarelli issa qed jaffaċċja diversi akkużi fosthom assoċjazzjoni f’reat u frodi. Madankollu ġurnali fl-Italja qed jirrappurtaw ukoll li hemm multi li jilħqu l-€25,000 anke għal min kien jagħmel użu mis-servizzi llegali tal-IPTV.