Futbol Sport

Ftit tan-nifs għal Zidane u Pochettino b’rebħiet importanti

(Ritratt: EPA)
Dybala l-eroj ta’ Juventus

Real Madrid kisbu rebħa importanti ta’ 1-0 barra minn darhom fuq Galatasaray biex taffew ftit il-pressjoni minn fuq il-kowċ Zinedine Zidane. Il-gowl deċiżiv wasal fit-18-il minuta b’Eden Hazard iqassam għan-nofs lejn TONI KROOS li skorja minn pożizzjoni ċentrali.

Kowċ ieħor li ħa ftit tan-nifs hu Mauricio Pochettino hekk kif Tottenham kisbu rebħa kbira ta’ 5-0 kontra Red Star Belgrade. L-Ingliżi kienu diġà jinsabu 3-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima b’gowl ta’ HARRY KANE wara disa’ minuti u doppjetta ta’ HEUNG-MIN SON fis-16-il minuta u minn kontrattakk qabel tmiem l-ewwel taqsima. ERIK LAMELA kabbar il-vantaġġ fit-72 minuta qabel HARRY KANE ssiġilla r-rebħa fit-72 minuta.

Juventus dawru telfa f’rebħa f’darhom u għelbu lil Lokomotiv Moscow 2-1. ALEKSEY MIRANCHUK poġġa lir-Russi fil-vantaġġ wara nofs siegħa b’konklużjoni mir-rebound wara li xutt ta’ Joao Mario kien salvat parzjalment. PAULO DYBALA ġab id-draw fis-77 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa biex l-istess PAULO DYBALA skorja l-gowl tar-rebħa tliet minuti wara.

Atletico Madrid kisbu rebħa minima fuq Bayer Leverkusen, bil-gowl rebbieħ jasal fit-78 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ALVARO MORATA wara li rċieva kross mix-xellug.

Bayern Munich kisbu rebħa diffiċli ta’ 3-2 fil-Greċja kontra Olympiacos. YOUSSEF EL ARABI poġġa lil Olympiacos fil-vantaġġ fit-23 minuta iżda ROBERT LEWANDOWSKI l-ewwel ġab id-draw fl-34 minuta qabel poġġa lill-Ġermaniżi minn fuq fit-62 minuta. CORENTIN TOLISSO għamel l-iskor 3-1 kwarta mit-tmiem u għalkemm GUILHERME naqqas id-distakk erba’ minuti wara, ma kienx biżżejjed biex jevita t-telfa.

Manchester City ftit sabuha diffiċli biex fl-Etihad Stadium għelbu lil Atalanta 5-1. Ironikament kienu Atalanta li fetħu l-iskor fit-28 minuta minn penalty ta’ RUSLAN MALINOVSKY, iżda Manchester City dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ SERGIO AGUERO fl-34 u fit-38 minuta. RAHEEM STERLING irdoppja l-iskor fit-58 minuta, bl-istess plejer jiskorja darbtejn oħra fl-64 minuta u fid-69 minuta.

Paris Saint-Germain kisbu rebħa faċli ta’ 5-0 barra minn darhom kontra Club Brugge. MAURO ICARDI fetaħ l-iskor wara seba’ minuti meta kompla għal ġewwa mill-viċin. KYLIAN MBAPPE rdoppja fil-61 minuta b’daqqa ta’ ras, b’MAURO ICARDI jagħlaq il-logħba żewġ minuti wara. KYLIAN MBAPPE għaqqad it-tripletta personali fid-79 u t-83 minuta.

Shakhtar Donetsk salvaw punt fl-aħħar kwarta biex spiċċaw  2-2 f’darhom kontra Dinamo Zagreb. YEVHENIY KONOPLYANKA poġġa lil Shakhtar minn fuq wara 16-il minuta iżda DANIEL OLMO ġab id-draw anqas minn għaxar minuti wara. MISLAV ORSIC poġġa lil Dinamo Zagreb minn fuq mas-siegħa logħob minn penalty iżda DODO ġab id-draw fil-75 minuta.

Riżultati kollha

Grupp A: Club Brugge v PSG 0-5, Galatasaray v Real Madrid 0-1

Grupp B: Olympiacos v Bayern Munich 2-3, Tottenham v Red Star Belgrade 5-0

Grupp Ċ: Shakhtar Donetsk v Dinamo Zagreb 2-2, Manchester City v Atalanta 5-1

Grupp D: Atletico Madrid v Bayer Leverkusen 1-0, Juventus v Lokomotiv Moscow 2-1